KOLOSSIN 2 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 2 1 Irridkom tkunu tafu kemm kelli nissielet minħabba fikom u minħabba f’dawk li joqogħdu f’Laodiċija u oħrajn li qatt ma raw wiċċi b’għajnejhom. 2 Dan nagħmlu biex inqawwilhom qalbhom u jinġabru lkoll flimkien fl-imħabba, ħalli jaslu għall-għana tal-fehma sħiħa u l-għarfien tal-misteru ta’ Alla li hu Kristu. 3 Fih hemm moħbija t-teżori kollha tal-għerf u l-għaqal. 4 Dan qiegħed ngħidhulkom biex ħadd ma jqarraq bikom b’xi kliem fieragħ. 5 Jekk jien m’iniex f’nofskom b’ġismi, ninsab magħkom b’ruħi. Nifraħ meta narakom iġġibu ruħkom bl-ordni u sħaħ fil-fidi tagħkom fi Kristu. Il-milja tal-ħajja fi Kristu 6 Intom ilqajtu lil Kristu Ġesù l-Mulej; għixu mela magħqudin miegħu; 7 niżżlu għeruqkom fih, u ibnu l-ħajja tagħkom fuqu; issaħħu fil-fidi, kif tgħallimtu, u mtlew bil-gratitudni. 8 Qisu li ħadd ma ijassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skont dak li hu ġej mill-bnedmin, skont il-prinċipji tad-dinja u mhux ta’ Kristu. 9 Fih hemm tgħammar il-milja sħiħa tad-divinità fil-ġisem; 10 u intom, magħqudin kif intom miegħu, għandkom sehem mill-milja tiegħu, hu li hu r-Ras tal-Prinċipati u tas-Setgħat kollha. 11 Fih intom kontu ċirkonċiżi, mhux biċ-ċirkonċiżjoni b’idejn il-bnedmin, imma biċ-ċirkonċiżjoni ta’ Kristu, li biha intom inżajtu mill-ġisem tad-dnub; 12 indfintu miegħu bil-magħmudija u rxuxtajtu miegħu permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta’ Alla li qajmu mill-imwiet. 13 Kontu mejta minħabba dnubietkom u għax ma kellkomx iċ-ċirkonċiżjoni f’ġisimkom; imma issa Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu: Ħafrilna dnubietna kollha. 14 Ħassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħieh min-nofs u sammru mas-salib. 15 Neżża’ l-Prinċipati u s-Setgħat, u għamel wirja minnhom quddiem id-dinja, u karkarhom warajh fit-trijonf tiegħu bi Kristu. 16 Ħadd ma għandu jiġġudikakom fuq ikel u xorb, fuq festi u jiem ta’ qamar ġdid, u fuq sibtijiet: 17 dawn huma dell tal-ħwejjeġ li għandhom jiġu, imma r-realtà hija Kristu. 18 Tħallux lil min jisirqilkom il-premju billi jagħmilha tal-umli u taparsi jqim lill-anġli, jimla rasu bil-viżjonijiet u moħħu bil-frugħat ta’ bniedem li hu 19 bla ma jżomm mar-Ras li minnha l-ġisem kollu, permezz tal-għekiesi u l-irbit tiegħu, jieħu l-għajxien u l-għaqda biex jikber skont ma jagħtih Alla. Il-ħajja ġdida fi Kristu 20 Ladarba intom, bil-mewt tagħkom ma’ Kristu, ħlistu mill-prinċipji tad-dinja, għala issa, bħallikieku għadkom tgħixu għad-dinja, tintrabtu bi preċetti bħalma huma: 21 “La tiħux dan, la dduqx din, la tmissx dak?” 22 U dan kollu għal ħwejjeġ li jiġu fix-xejn bl-użu: preċetti u tagħlim tal-bnedmin. 23 Fil-wiċċ jidhru li fihom xi għerf, reliġjon volontarja, umiltà u tgħakkis tal-ġisem; fir-realtà ma jiswew xejn ħlief biex ipaxxu l-frugħat tal-bniedem. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society