Online Bible

- Reklamy -

KOĦÈLET 6 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 6

1 Hemm gwaj ieħor li rajt taħt ix-xemx u dan jifni ħafna lill-bniedem.

2 Lil wieħed Alla tah għana, ġid u unuri, hekk li xejn ma jonqsu minn dak li tixtieq qalbu; u mbagħad ma jħallihx igawdih hu, iżda ieħor barrani jgawdih. Dan ukoll frugħa u gwaj tassew kiefer.

3 Li kellu bniedem inissel mitt tifel u jgħix għal bosta snin u jtawwal għomru, jekk qalbu ma timteliex b’dan il-ġid u ma jkollux qabar fejn jindifen, jien ngħid: “Aħjar minnu frott il-ġuf li twieled mejjet;

4 għax għalkemm ġie għal xejn u jmur fid-dlam fejn jibqa’ mistur ismu,

5 għalkemm ma rax ix-xemx, u lanqas jaf biha, dan għandu mistrieħ akbar mill-ieħor.

6 U li kellu l-għani jgħix elfejn sena u ma jkollux tgawdija minn ġidu, mhux fl-istess post imur bħall-imwieled mejjet?”

7 It-taħbit tal-bniedem hu kollu għal żaqqu, u b’danakollu qatt mhi xebgħana qalbu.

8 U x’għandu aħjar l-għaref mill-iblah, jew il-fqir li jaf imur tajjeb mal-ħajjin?

9 Aħjar tara b’għajnejk milli ssiefer bil-ħsieb. Imma dan ukoll frugħa u ġiri wara r-riħ.

10 Kulma jeżisti diġà magħruf minn ismu; għalhekk nafu x’inhu l-bniedem. Ma jistax dan iħaqqaqha ma’ min hu aqwa minnu.

11 Aktar ma jkun hemm kliem, akbar tkun il-frugħa; imbagħad x’se jieħu l-bniedem minn dan kollu?

12 Min jaf x’inhu tajjeb għall-bniedem f’ħajtu, tul il-ġranet magħduda tal-ħajja fiergħa tiegħu li hu jqatta’ bħal dell? Min jista’ jurih lill-bniedem x’għad isir warajh taħt ix-xemx?

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy