KOĦÈLET 5 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 5 1 Tiftaħx fommok kif ġieb u laħaq, u tiddeċiedi xejn addoċċ quddiem Alla, għax Alla fis-sema qiegħed u inti fuq l-art; ħa jkun, mela, ftit il-kliem tiegħek. 2 Għax, mill-ħafna tħassib jiġi l-ħolm ikrah, u mill-ħafna tpaċpiċ il-kliem bla għaqal. 3 Jekk tagħmel xi wegħda ’l Alla ddumx ma ttemmha, għax Alla ma jiħux pjaċir bil-boloh. Dak li twiegħed qis li tagħmlu. 4 Aħjar ma twiegħed xejn milli ma żżommx dak li twiegħed. 5 Tħallix ilsienek iwaqqgħek fil-ħtija u mbagħad tmur quddiem il-qassis tgħidlu: “Dan kien nuqqas ta’ ħsieb”. 6 Għaliex trid bi kliemek iġġiegħel ’l Alla jinkorla u jġib fix-xejn dak li għamlu idejk? Għax fejn joktor il-ħolm, joktor il-kliem fieragħ. Inti, mela, ibża’ minn Alla. 7 Jekk f’xi qasam tal-pajjiż tara l-fqir jinħaqar u d-dritt u l-ħaqq mirfusa, m’għandekx tistagħġeb b’dan, għax kull uffiċjal hemm wieħed ogħla għassa tiegħu, u fuqhom it-tnejn hemm ieħor ogħla minnhom. 8 Dak li tagħti l-art hu għal kulħadd, imma huwa s-sultan li jinqeda l-ewwel mir-raba’. Il-frugħa tal-għana 9 Min iħobb il-flus ma jixbax bil-flus, u min iħobb l-għana ma jixbax bil-qligħ. Dan ukoll hu frugħa. 10 Jekk joktor il-ġid joktru wkoll dawk li jberbquh, u x’jibqagħlu s-sid ħlief li jarah biss b’għajnejh? 11 Il-ħaddiem, jiekol ftit jew jiekol wisq, jiġih ħelu l-irqad, imma l-għani x-xaba’ ma jħallihx jieħu nagħsa. 12 Rajt gwaj ieħor taħt ix-xemx: il-ġid li sid jerfa’ jisfagħlu ta’ ħsara. 13 Imur ħażin f’xi negozji u ġidu jintilef; imbagħad ikollu iben u dan ma jsib xejn f’idu. 14 Għeri jkun ħareġ minn ġuf ommu, u għeri, kif ġie, jerġa’ lura, bla ma jkun ġabar xejn x’jieħu miegħu mit-taħbit tiegħu. 15 Jaqaw mhux ukoll gwaj ikrah li wieħed jerġa’ jitlaq bħalma jkun ġie? X’jiswielu la jitħabat għar-riħ, 16 la jiemu kollha fid-dlam jgħaddihom qalb ħafna għali, mard u inkwiet. 17 Ara, mela, x’sibt li hemm tajjeb u jaqbel għall-bniedem: li jiekol u jixrob u jgawdi l-frott ta’ kull taħbit li jġarrab taħt ix-xemx tul l-għomor li Alla jisilfu: għax dan hu li jmissu. 18 U kull min Alla tah ġid u għana u setgħa li jgawdihom, ħa jieħu sehem u jifraħ b’xogħlu, għax dan ukoll hu don ta’ Alla. 19 Hekk ma joqgħodx jitħasseb wisq fuq għomru meta Alla jżommu medhi bil-ferħ ta’ qalbu. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society