Online Bible

- Reklamy -

KOĦÈLET 4 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 4 Kemm għawġ fid-dinja

1 Imbagħad dort biex nara l-moħqrijiet kollha li jsiru taħt ix-xemx. Rajt il-maħqurin jibku bla ma għandhom min ifarraġhom; rajt il-qawwa li biha jaħqruhom u li ma hemmx min ifarraġhom.

2 Għalhekk il-mejtin li diġà ħallewna qisthom hienja aktar mill-ħajjin li għadhom magħna;

3 imma hieni aktar mit-tnejn min għadu ma twelidx u ma rax b’għajnejh l-għemejjel ħżiena li jsiru taħt ix-xemx.

4 Rajt ukoll li t-taħbit kollu u l-ħerqa għax-xogħol mhumiex ħlief għira ta’ wieħed għal ieħor. Dan ukoll frugħa u ġiri wara r-riħ.

5 L-iblah jorbot idejh u jherri ġismu.

6 Aħjar id waħda mimlija u fil-mistrieħ, milli tnejn imfawra u fit-taħbit, u l-ġiri wara r-riħ.

7 Erġajt ħarist u rajt frugħa oħra taħt ix-xemx:

8 wieħed waħdu, bla tfal u bla aħwa, u b’danakollu qatt ma jehda mit-taħbit u lanqas ma jixbgħu għajnejh bil-għana. U ma jiġihx li jistaqsi: “Għal min qiegħed nitħabat u niċċaħħad mill-ġid?” Mhuwiex ukoll frugħa dan, u xogħol bla fejda?

9 Tnejn min-nies aħjar minn wieħed waħdu, għax fejda akbar ikollu xogħolhom.

10 Jekk jaqa’ wieħed, l-ieħor jista’ jqajmu, imma miskin hu min hu waħdu, għax m’għandux min iqajmu.

11 Jekk tnejn jorqdu flimkien jistgħu jissaħħnu; imma min hu waħdu kif jista’ jisħon?

12 Jekk xi ħadd jaħbat għal wieħed minnhom, it-tnejn flimkien jistgħu jrażżnuh; imma min hu waħdu ma jagħmel xejn ma’ min iħebb għalih; għax ħabel bi tlieta mhux lakemm jinqata’.

13 Aħjar żagħżugħ fqir u għaqli minn sultan xiħ u iblah, li ma jridx jilqa’ parir,

14 għax dak mill-ħabs jista’ joħroġ u jilħaq sultan, għalkemm twieled fqir meta kien isaltan l-ieħor.

15 Rajt il-ħajjin kollha li jgħixu hawn taħt ix-xemx iżommu maż-żagħżugħ li laħaq sultan floku;

16 ma tgħoddhiex il-kotra li sar mexxej tagħha; imma ma jifirħux bih dawk li jiġu warajhom. Dan ukoll frugħa u ġiri wara r-riħ.


Dmirijiet lejn Alla

17 Qis il-pass li tagħmel inti u tersaq lejn id-dar ta’ Alla. Li tersaq biex tisma’ hi ħaġa aqwa mill-offerta tas-sagrifiċċju tal-boloh, li anqas biss jafu x’qegħdin jagħmlu ħażin.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy