KOĦÈLET 2 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 2 Il-frugħa ta’ xewqat u ta’ għemil il-bniedem 1 Għedt lili nnifsi: “Ejja, mela, ħa nippruvak bl-hena u ndewqek il-pjaċir.” Iżda hemm hi: frugħa mill-ġdid. 2 “Dan id-daħk,” għedt jien, “hu ġenn, u l-pjaċir x’ġid iħalli? 3 Qtajtha li nferraħ lil ġismi bl-inbid u, waqt li nżomm ħsiebi fl-għerf, nieħu li nista’ mill-ferħ tal-boloh ħa nara jekk hux hawn l-hena tal-bniedem, f’dak kollu li jagħmlu l-bnedmin taħt is-sema tul il-jiem magħduda ta’ ħajjithom. 4 Indħalt għal opri kbar: bnejt għalija palazzi, 5 ħawwilt dwieli, għamilt ġonna u oqsma, ħawwilt fihom siġar tal-frott ta’ kull xorta; 6 għamilt vaski bl-ilma biex minnhom insaqqi s-siġar tal-mixtla. 7 Ksibt ilsiera rġiel u nisa, oħrajn twilduli d-dar; imrieħel ukoll kelli bil-kotra, iżjed minn dawk li saltnu qabli f’Ġerusalemm, għerfi wkoll baqa’ miegħi. 8 Geddist ukoll deheb u fidda u teżori ta’ slaten u ta’ provinċji. Ħassilt għannejja rġiel u nisa, għadd kbir ta’ kortiġjani u kulma jgħaxxaq qalb il-bniedem. 9 Ilħaqt kobor u stagħnejt; u għaddejt lil dawk kollha li saltnu qabli f’Ġerusalemm, u għerfi wkoll baqa’ miegħi. 10 Kulma riedu għajnejja ma’ ċħadthulhomx, mill-ebda pjaċir ma ħallejt nieqsa lil qalbi. Għax qalbi kienet titgħaxxaq b’kull taħbit, u dan hu l-ħlas għat-taħbit tiegħi kollu. 11 U mbagħad dort nara l-opri li għamilt u kemm tħabatt biex għamilthom. U ara x’sibt: kollox frugħa u ġiri wara r-riħ, imma ebda qligħ ma hemm taħt ix-xemx. 12 U dawwart ħsiebi fuq l-għerf ħa nqabblu mal-ġenn u l-bluha; għax x’se jagħmel dak li jiġi wara s-sultan? Dak li diġà għamel ta’ qablu. 13 U rajt dan: l-għaref għandu vantaġġ fuq l-iblah daqskemm għandu d-dawl fuq id-dlam. 14 Għax, l-għaref għajnejh f’wiċċu, iżda l-iblah jimxi fid-dlam. Kollox sew! Imma jien naf ukoll li t-tnejn se tmisshom l-istess xorti. 15 “Kos!,” għedt f’qalbi, “ix-xorti tal-iblah se tkun ukoll xortija; x’jiswieli, mela, li sirt għaref?” Għalhekk ngħid f’qalbi li dan kollu frugħa, 16 għax la tal-għaref u lanqas tal-iblah, ma ssaddad it-tifkira; jgħaddu ftit jiem u t-tnejn ikunu ntesew. Jaħasra għall-għaref kif imut bħall-iblah! 17 Bdejt, għalhekk, nistmerr il-ħajja għax kollox kien idejjaqni minn dak li jsir taħt ix-xemx. Kollox frugħa u ġiri wara r-riħ. 18 Stmerrejt ukoll ix-xogħol kollu taħt ix-xemx li fih tħabatt u li jkolli nħallih għal min jiġi warajja. 19 U dan min jaf ikunx għaref inkella iblah? Ikun xi jkun hu jsir is-sid ta’ xogħli kollu, li fih ħlejt saħħti u għaqli taħt ix-xemx. Dan ukoll hu frugħa. 20 Bdejt allura nitħassar it-taħbit kollu li ħadt taħt ix-xemx. 21 Għax dan jiġri: wieħed, li jkun ħadem bl-għaqal u l-ħila u b’suċċess, ikollu jgħaddi sehmu lil ħaddieħor li xejn ma tħabat għalih. Dan ukoll frugħa u ħaġa mill-agħar. 22 Għax x’se jmissu l-bniedem mit-taħbit u l-kedda li jkun ħa taħt ix-xemx? 23 Għomru kollu jbati u jinħaqar bil-kedda u lanqas billejl ma jserraħ rasu. Dan ukoll hu frugħa. 24 M’hemmx aħjar għall-bniedem milli jiekol u jixrob u li jgawdi l-frott ta’ xogħlu. Imma fhimt li dan ukoll minn id Alla ġej, 25 għax min jista’ jiekol u jgawdi ħlief bis-saħħa tiegħu? 26 U tabilħaqq, lil min hu sewwa quddiemu Alla jagħtih għerf, xjenza u hena, imma lill-midneb jagħtih it-taħbit li jgeddes u jiġma’ biex imbagħad jgħaddih lil min jogħġob lil Alla. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society