Online Bible

- Reklamy -

ISAIJA 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 L-Ewwel Parti: Kap 1 sa 39

1 Il-viżjoni ta’ Isaija bin Amos, li kellu dwar Ġuda u Ġerusalemm fi żmien Għużżija, Ġotam, Aħaż, Ħeżekija, slaten ta’ Ġuda.


Ġens midneb

2 Isimgħu, smewwiet! Agħti widen, art! Għax tkellem il-Mulej: “Ulied rabbejt u kabbart, u huma qamu kontrija.

3 Il-gendus jagħraf lil sidu, u l-ħmar il-maxtura ta’ sidu; imma Iżrael ma jagħrafx, il-poplu tiegħi ma jifhimx.”

4 Jaħasra għalik, ġens midneb, poplu mgħobbi bil-ħażen, nisel il-ħżiena, ulied imħassrin! Telqu lill-Mulej; maqdru l-Qaddis ta’ Iżrael, inġibdu lura minnu.

5 Għaliex tridu tissawtu aktar? Għaliex tibqgħu tirvillaw? Ir-ras kollha marida, il-qalb kollha mifnija.

6 Minn qiegħ ir-riġel sar-ras, xejn ma hemm sħiħ fih. Xejn ħlief drib, tbenġil u ġrieħi jnixxu. Ma naddfuhomx, anqas rabtuhom, lanqas dewwewhom biż-żejt.

7 Artkom imħarbta, blietkom maħruqa bin-nar; ir-raba’ tagħkom quddiemkom għad jikluh il-barranin; kollox ħerba bħal Sodoma fit-tiġrif.

8 Waħedha baqgħet bint Sijon, bħal għarix f’qasam dwieli, bħal girna f’għalqa bħajra, bħal belt imdawra.

9 Li kieku l-Mulej tal-eżerċti ma ħallilniex fdal żgħir, bħal Sodoma konna nkunu, lil Gomorra konna nixbhu.


Sejħa għall-konverżjoni

10 Isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom prinċpijiet ta’ Sodoma; agħtu widen għat-tagħlim ta’ Alla tagħna, intom nies ta’ Gomorra.

11 X’tiswieli l-kotra tas-sagrifiċċji tagħkom?”, jgħid il-Mulej. Xbajt mis-sagrifiċċji tal-ħruq tal-bdabad, u mix-xaħam tal-bhejjem smien. Id-demm tal-gniedes u l-ħrief, u tal-imtaten ma jogħġobnix.

12 Meta tiġu taraw wiċċi min ifittex dawn mingħandkom, biex tiġu tikkalpestawli l-btieħi tiegħi?

13 Iġġibux iżjed offerti fiergħa; sirt nistkerrhu l-bħur, il-qamar ġdid, is-sibt, u l-laqgħat li ssejħu: ma niflaħx għall-ħażen flimkien mal-festi.

14 L-ewwel tax-xhur u l-festi tagħkom, jien nobgħodhom, piż huma għalija, għejejt nerfgħu.

15 Meta intom tiftħu idejkom, jien inwarrab għajnejja minnkom; ukoll jekk tkattru t-talb, jien ma nismagħkomx, għax idejkom mimlija demm.

16 Inħaslu u tnaddfu, neħħu l-ħażen ta’ għemilkom minn quddiem għajnejja, ieqfu mill-ħażen.

17 Tgħallmu għamlu t-tajjeb, fittxu d-dritt, sewwu l-inġustizzji, iddefendu l-iltim, aqbżu għall-armla.

18 Ejjew, mela, nirraġunaw flimkien, jgħid il-Mulej, imqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ; imqar jekk ikunu ħomor bħall-kremżi, isiru bojod bħas-suf.

19 Jekk intom tridu u tobdu, intom tieklu l-ġid tal-art.

20 Iżda jekk tgħidu le u twebbsu raskom, ix-xabla tikolkom, għax fomm il-Mulej tkellem.”


Il-ġudizzju u l-fidwa ta’ Sijon

21 Kif saret żienja l-belt fidila! Kienet mimlija bil-ġustizzja, kien jgħammar fiha s-sewwa, imma issa l-qattiela.

22 Il-fidda tiegħek inbidlet f’karfa, l-inbid tiegħek mifqugħ bl-ilma.

23 Il-prinċpijiet tiegħek qamu fuq tagħhom, u ssieħbu mal-ħallelin. Ilkoll iħobbu r-rigali, u jagħmlu għal wara l-qligħ. L-iltim ma jagħmlulux ġustizzja, u l-kawża tal-armla għandhom ma tasalx.

24 Għalhekk dan hu l-oraklu ta’ Sidna, il-Mulej tal-eżerċti, il-Qawwi ta’ Iżrael: “Ah! Nivvendika ruħi mill-għedewwa tiegħi; nitħallas mill-għedewwa tiegħi.

25 Inmidd idejja għal fuqek, u nsaffik fil-forġa minn ħmieġek, u ċ-ċomb kollu nneħħilek.

26 U rraġġa’ l-imħallfin tiegħek għal li kienu dari, u l-kunsillieri tiegħek għal li kienu fil-bidu. Imbagħad isejħulek: ‘Belt is-Sewwa, il-Belt Fidila’.”

27 Bil-ġustizzja Sijon għad tinfeda; u dawk li jikkonvertu jinfdew bis-sewwa.

28 Imma l-midinbin u l-ħatjin flimkien jitkissru; u dawk li jitilqu l-Mulej jintemmu.

29 Għax intom għad tistħu mill-ballut li ħabbejtu; u għad titriegħxu minħabba l-ġonna li għażiltu.

30 Għad tkunu bħal balluta bil-weraq midbiel; bħal ġnien bla ilma fih.

31 U l-bniedem b’saħħtu jsir stoppa, u għemilu xrar, u jieħdu n-nar flimkien, bla ma ħadd jitfihom.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy