ĠENESI 9 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 9 Il-barka fuq Noè 1 U Alla bierek lil Noè u lil uliedu, u qalilhom: “Nisslu u oktru u imlew l-art. 2 U jkun il-biża’ tagħkom fuq kull ħliqa ħajja fuq l-art, u fuq it-tajr kollu tal-ajru, u fuq kulma jitkaxkar fl-art u fuq il-ħut kollu tal-baħar; u jitriegħdu quddiemkom; f’idejkom nerħihom. 3 Kulma hu ħaj u jitħarrek fl-art ikun ikel għalikom; u wkoll il-ħaxix aħdar, kollu nagħtikom. 4 Imma l-laħam b’demmu ġo fih, li hu ħajtu, la tikluhx. 5 U jien nitlob kont ta’ demmkom, li hu ħajjitkom, nitolbu mingħand kull bhima, mingħand kull bniedem; mingħand kull wieħed nitħallas tal-ħajja ta’ bniedem ieħor bħalu. 6 Kull min ixerred demm ta’ bniedem, minn bniedem ieħor jixxerred demmu. Għax skont ix-xbieha tiegħu, ħalqu Alla lill-bniedem. 7 U intom nisslu u oktru; xterdu mal-art u oktru fuqha.” Il-patt ma’ Noè 8 U Alla kellem lil Noè u lil uliedu miegħu u qalilhom: 9 “Arawni, hawn jien se nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma’ nisilkom warajkom; 10 ma’ kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, mat-tjur u mal-bhejjem, ma’ kull bhima selvaġġa li hemm magħkom, u mal-bhejjem kollha li ħarġu magħkom mill-arka. 11 Jien nagħmel il-patt tiegħi magħkom, li qatt iżjed ma jinqered, ebda laħam ħaj, bl-ilmijiet tad-dilluvju; u qatt iżjed ma jkun hemm dilluvju biex iħarbat l-art.” 12 U żied jgħid Alla: “Dan ikun is-sinjal tal-patt li jien qiegħed nagħmel bejni u bejnkom, u bejn kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem. 13 Inqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. 14 Meta niġma’ s-sħab fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab, 15 jien niftakar fil-patt bejni u bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f’kull laħam; u ma jkunx hemm iżjed l-ilma tad-dilluvju biex jeqred kull laħam ħaj. 16 U meta l-qawsalla tfeġġ fis-sħab, jien inħares lejha u niftakar fil-patt għal dejjem bejn Alla u bejn kull ħliqa ħajja fost il-laħam li hemm fuq l-art.” 17 U Alla qal lil Noè: “Dan hu s-sinjal tal-patt li jien għamilt bejni u bejn kull laħam li hemm fuq l-art.” 18 U wlied Noè li ħarġu mill-arka kienu: Sem, Ħam u Ġafet; u Ħam kien missier Kangħan. 19 Dawn it-tlieta kienu wlied Noè; u minn dawn imtliet l-art kollha. Is-saħta ta’ Kangħan u l-barka ta’ Sem 20 Noè beda jagħmilha ta’ bidwi u ħawwel id-dwieli. 21 U xorob l-inbid u siker, u nkixef f’nofs l-għarix tiegħu. 22 U Ħam, missier Kangħan, ra l-għera ta’ missieru, u mar jgħid liż-żewġ ħutu li kienu barra. 23 U Sem u Ġafet qabdu l-mantar, qegħduh fuq spallejhom it-tnejn, u marru waranijiet u għattew l-għera ta’ missierhom; u billi wiċċhom kien iħares lura ma rawx l-għera ta’ missierhom. 24 U meta Noè stenbaħ mis-sakra tiegħu, sar jaf x’kien għamillu ibnu ż-żgħir. 25 U qal: “Misħut Kangħan: qaddej fost il-qaddejja jkun ta’ ħutu. 26 Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Sem, u jkun Kangħan il-qaddej tiegħu. 27 Iwassa’ Alla lil Ġafet, u jgħammar dan fl-għerejjex ta’ Sem, u Kangħan ikun il-qaddej tiegħu.” 28 U Noè għex tliet mija u ħamsin sena oħra wara d-dilluvju. 29 U għomor Noè laħaq id-disa’ mija u ħamsin sena; u mbagħad miet. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society