Online Bible

- Reklamy -

ĠENESI 6 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 6 Il-ħażen jikber fuq l-art

1 U ġara li meta l-bnedmin bdew joktru fuq l-art u tweldulhom il-bniet,

2 raw ulied Alla li l-bniet tal-bnedmin kienu ħelwin, u ’l dawk li għoġbuhom ħaduhom b’nisa tagħhom.

3 U l-Mulej qal: “Ma tibqax ruħi aktar fil-bniedem għal dejjem, għax, laħam hu; u jkunu jiemu ta’ mija u għoxrin sena.”

4 Kien hemm il-ġganti dak iż-żmien - u wara wkoll - meta wlied Alla resqu lejn il-bniet tal-bnedmin, u huma wildulhom. Dawk kienu n-nies kbar imsemmija sa mill-qedem.

5 U l-Mulej ra li l-ħażen tal-bniedem kien kiber fuq l-art; u f’qalbu ma kienx għajr li jfassal il-ħażen il-jum kollu.

6 U l-Mulej sogħob bih li kien għamel il-bniedem fl-art; u sewwed qalbu.

7 U l-Mulej qal: “Inqaċċat minn wiċċ l-art il-bniedem li jien ħlaqt, mill-bniedem sal-bhejjem, mill-ħlejjaq li jitkaxkru fl-art sat-tjur tal-ajru, għax jien sogħbien li għamilthom.”

8 U Noè sab ħniena quddiem il-Mulej.


Id-dilluvju

9 Dan hu n-nisel ta’ Noè. Noè kien bniedem ġust u kien perfett fost in-nies ta’ żmienu; kien jimxi sewwa ma’ Alla.

10 Lil Noè tweldulu: Sem, Ħam u Ġafet.

11 U l-art tħassret quddiem Alla u mtliet bil-vjolenza.

12 U Alla ħares lejn l-art, u ra li kienet imħassra, għax kull ħliqa ħajja kienet għawġet triqtha fuq l-art.

13 U l-Mulej qal lil Noè: “Għalija tmiem il-ħajjin kollha wasal, għax imtliet bil-vjolenza l-art kollha minħabba fihom. Hawn jien se neqridhom minn wiċċ l-art.

14 Agħmel għalik arka mill-injam taċ-ċipress; qassamha fi kmamar u idlikha minn barra u minn ġewwa bil-qatran.

15 U tagħmilha hekk: tliet mitt driegħ tul, ħamsin driegħ wisa’ u tletin driegħ għoli.

16 L-arka agħmlilha saqaf u kompliha driegħ ’il fuq. Il-bieb tal-arka tqiegħdu fil-ġenb. Tagħmilha wkoll bi tliet gverti: t’isfel, tan-nofs u t-tielet ta’ fuq.

17 Għax arani, jiena se nibgħat dilluvju ilma fuq l-art biex neqred kull ħliqa li fiha nifs il-ħajja taħt is-smewwiet u kulma jinsab fl-art jinqered.

18 U jien nagħmel patt miegħek: int tidħol fl-arka, int u wliedek, martek u n-nisa ta’ wliedek miegħek.

19 Mill-ħlejjaq ħajjin kollha, minn kull xorta ta’ annimali, tnejn minn kull xorta, iddaħħal fl-arka biex jibqgħu jgħixu miegħek, u jkunu raġel u mara.

20 Jidħlu wkoll miegħek minn kull xorta ta’ għasafar skont ġenshom, bil-bhejjem skont ġenshom, mill-annimali li jitkaxkru fl-art skont ġenshom, tnejn minn kull xorta jidħlu biex jgħixu miegħek.

21 U inti tieħu miegħek minn kull xorta ta’ ikel, li jista’ jittiekel, u aħżnu miegħek, u jkun l-għajxien tiegħek u tagħhom.”

22 U hekk għamel Noè, għamel kulma ordnalu Alla.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy