ĠENESI 5 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 5 In-nisel ta’ Adam 1 Dan hu ktieb in-nisel ta’ Adam. Meta ħalaq Alla l-bniedem, fi xbieha ta’ Alla għamlu; 2 raġel u mara ħalaqhom. U berikhom u semmiehom bnedmin nhar il-ħolqien tagħhom. 3 U Adam kellu mija u tletin sena meta wiled iben fis-sura u x-xbieha tiegħu, u semmieh Set. 4 U wara li wiled lil Set, Adam għex tmien mitt sena oħra, u wiled subien u bniet. 5 U kienu l-jiem kollha li għex Adam disa’ mija u tletin sena; u mbagħad miet. 6 U Set kellu mija u ħames snin meta wiled lil Enos. 7 U wara li wiled lil Enos, Set għex tmien mija u seba’ snin oħra, u wiled subien u bniet. 8 U kienu l-jiem kollha li għex Set disa’ mija u tnax-il sena; u mbagħad miet. 9 U Enos kellu disgħin sena meta wiled lil Kenan. 10 U wara li wiled lil Kenan, Enos għex tmien mija u ħmistax-il sena oħra, u wiled subien u bniet. 11 U kienu l-jiem kollha li għex Enos disa’ mija u ħames snin; u mbagħad miet. 12 U Kenan kellu sebgħin sena meta wiled lil Maħalel. 13 U wara li wiled lil Maħalel, Kenan għex tmien mija u erbgħin sena oħra, u wiled subien u bniet. 14 U kienu l-jiem kollha li għex Kenan disa’ mija u għaxar snin; u mbagħad miet. 15 U Maħlalel kellu ħamsa u sittin sena meta wiled lil Ġared. 16 U wara li wiled lil Ġared, Maħlalel għex tmien mija u tletin oħra, u wiled subien u bniet. 17 U kienu l-jiem kollha li għex Maħlalel tmien mija u ħamsa u disgħin sena; u mbagħad miet. 18 U Ġared kellu mija u tnejn u sittin sena meta wiled lil Ħenok. 19 U wara li wiled lil Ħenok, għex tmien mitt sena oħra, u wiled subien u bniet. 20 U kienu l-jiem kollha li għex Ġared disa’ mija u tnejn u sittin sena; u mbagħad miet. 21 U Ħenok kellu ħamsa u sittin sena meta wiled lil Matusala. 22 U Ħenok kien jimxi ma’ Alla. U wara li wiled lil Matusala għex tliet mitt sena oħra, u wiled subien u bniet. 23 U kienu l-jiem kollha li għex Ħenok tliet mija u ħamsa u sittin sena. 24 U Ħenok kien jimxi sewwa ma’ Alla; u ma deherx aktar, għax ħadu Alla. 25 U Matusala kellu mija u sebgħa u tmenin sena meta wiled lil Lamek. 26 U għex Matusala wara li wiled lil Lamek seba’ mija u tnejn u tmenin sena, u wiled subien u bniet. 27 U kienu l-jiem kollha li għex Matusala disa’ mija u disgħa u sittin sena; u mbagħad miet. 28 U Lamek kellu mija u tnejn u tmenin sena meta wiled iben. 29 U semmieh Noè għax qal: “Dan għad iserraħna mit-taħbit tagħna u mix-xogħol iebes ta’ idejna minħabba l-art misħuta mill-Mulej.” 30 U wara li wiled lil Noè għex ħames mija u ħamsa u disgħin sena oħra, u wiled subien u bniet. 31 U kienu l-jiem kollha li għex Lamek seba’ mija sebgħa u sebgħin sena u mbagħad miet. 32 U Noè kellu ħames mitt sena u wiled lil Sem, lil Ħam u lil Ġafet. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society