ĠENESI 4 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 4 Kajjin u Abel 1 U Adam għaraf lil martu Eva, u din tqalet u wildet lil Kajjin, għax qalet: “Għamilt bniedem mal-Mulej.” 2 U mbagħad wildet lil ħuh Abel. U Abel kien ragħaj in-nagħaġ u Kajjin ħaddiem ir-raba’. 3 Ġara wara xi żmien li Kajjin għamel offerta mill-frott tal-art lill-Mulej; 4 u Abel offra wkoll hu mill-bikri tal-merħla tiegħu u mill-grass tagħhom. U l-Mulej ħares lejn Abel u l-offerta tiegħu. 5 Imma lejn Kajjin u lejn l-offerta tiegħu ma ħarisx; u Kajjin għalhekk saħan sewwa u wiċċu tqarras. 6 U l-Mulej qal lil Kajjin: “Għala sħant u għala għaddast rasek? 7 Jaqaw mhux minnu dak li jekk tagħmel it-tajjeb terfa’ rasek? Imma jekk ma tagħmilx it-tajjeb id-dnub bħal xitan jissajja wara biebek. U hu xewqan għalik, imma inti tista’ trażżnu.” 8 U Kajjin qal lil ħuh Abel: “Ħa mmorru fir-raba’.” U kif kienu fir-raba’ Kajjin qam għal ħuh Abel, u qatlu. 9 U l-Mulej qal lil Kajjin: “Fejn hu ħuk Abel?” U hu wieġbu: “Ma nafx. Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” 10 U l-Mulej wieġbu: “X’għamilt! Leħen id-demm ta’ ħuk qiegħed jgħajjatli mill-art. 11 U issa misħut int mill-art li fetħet fommha u laqgħet id-demm ta’ ħuk minn idejk. 12 Meta int taħdem l-art ma tagħtikx aktar ġidha. Int tibqa’ tiġġerra maħrub ’l hemm u ’l hawn fl-art.” 13 U Kajjin qal lill-Mulej: “Il-kastig tiegħi kbir wisq biex nerfgħu. 14 Ara, int keċċejtni llum minn wiċċ l-art u jkolli ninħeba minn quddiem wiċċek; u nibqa’ niġġerra maħrub ’l hemm u ’l hawn fuq l-art; u kull min isibni joqtolni.” 15 U l-Mulej wieġbu: “Mhux hekk! Kull min joqtol lil Kajjin iħallas seba’ darbiet.” U l-Mulej għamel sinjal fuq Kajjin biex kull min isibu ma joqtlux. 16 U Kajjin ħareġ minn quddiem il-Mulej u mar jgħammar f’art Nod, fuq il-Lvant tal-Għeden. In-nisel ta’ Kajjin 17 Kajjin għaraf lil martu, u din tqalet u wildet lil Ħenok; u hu beda jibni belt u semmieha Ħenok b’isem ibnu. 18 U lil Ħenok twelidlu Għirad, u Għirad wiled lil Meħujjel, u Meħujjel wiled lil Metusajel, u Metusajel wiled lil Lamek. 19 U Lamek ħa żewġ nisa: waħda kien jisimha Għada u l-oħra Silla. 20 Għada wildet lil Ġabal, li kien missier dawk li jgħixu fl-għerejjex u jrabbu l-imrieħel. 21 U ħuh kien jismu Ġubal, li kien missier dawk li jdoqqu ċ-ċetra u l-flawt. 22 U Silla wkoll wildet lil Tubal-Kajn, li kien ħaddied, jaħdem l-għodod tal-bronż u l-ħadid. U oħt Tubal-Kajn kienet Nagħma. 23 U Lamek qal lin-nisa tiegħu: “Għada u Silla isimgħu leħni; nisa ta’ Lamek, agħtu widen għal kliemi. Qtilt raġel għax ġeraħni, u żagħżugħ għax benġilni. 24 Għax seba’ darbiet jitħallas Kajjin, imma Lamek sebgħa u sebgħin darba.” It-twelid ta’ Set 25 U Adam għaraf lil martu u wildet tifel u semmietu Set, għax qalet: “Għax Alla tani nisel ieħor flok Abel, li qatlu Kajjin.” 26 U ’l Set ukoll twelidlu iben u semmieh Enos; imbagħad bdew isejħu isem il-Mulej. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society