ĠENESI 3 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 3 Il-waqgħa tal-bniedem 1 U s-serp kien l-aktar wieħed li jilħaqlu fost l-annimali selvaġġi kollha, li kien għamel il-Mulej Alla. U qal lill-mara: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien’?” 2 U l-mara wieġbet lis-serp: “Mill-frott tas-siġar fil-ġnien nistgħu nieklu. Imma mill-frott li hemm f’nofs il-ġnien, 3 Alla qalilna: ‘La tiklux minnu, u lanqas ma għandkom tmissuh, inkella tmutu.’ ” 4 U s-serp qal lill-mara: “Le, żgur ma tmutux. 5 Imma Alla jaf li dak in-nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.” 6 U l-mara rat li s-siġra kienet tajba għall-ikel u tiġbdek fil-għajn, u s-siġra tħajrek biex tikseb id-dehen; u ħadet mill-frott u kielet. Imbagħad tat ukoll lil żewġha, li kien magħha, u kiel. 7 U nfetħu għajnejhom it-tnejn u ntebħu li kienu għerja, u ħietu weraq tat-tin, u għamlu iħżma. 8 U semgħu ħoss il-Mulej Alla jitlajja fil-ġnien għaż-żiffa tal-jum, u nħbew Adam u martu minn wiċċ il-Mulej Alla qalb is-siġar tal-ġnien. Il-ġudizzju u l-piena 9 U l-Mulej Alla sejjaħ lil Adam u staqsieh: “Fejn int?” 10 U dak wieġeb: “Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għeri, u nħbejt.” U staqsieh: 11 “Min qallek li int għeri? Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek li ma tikolx minnha?” 12 U wieġeb Adam: “Il-mara li inti tajtni għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.” 13 U l-Mulej Alla qal lill-mara: “X’inhu dan li għamilt?” U l-mara wieġbet: “Is-serp qarraq bija, u jien kilt.” 14 U l-Mulej Alla qal lis-serp: “Talli għamilt dan, misħut int fost il-bhejjem kollha u fost l-annimali selvaġġi. Għal żaqqek titkaxkar, u t-trab tal-art tiekol il-jiem kollha ta’ ħajtek. 15 U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jagħmel għal rasek u int tagħmel għal għarqubu.” 16 U lill-mara qalilha: “Inkattarlek sewwa wġigħ it-tqala tiegħek, u bl-uġigħ tiled it-tfal; lejn żewġek tiġbdek xewqtek, u jaħkem fuqek hu.” 17 U lil Adam qallu: “Talli inti smajt minn kelmet martek, u kilt mis-siġra li ordnajtlek ma tikolx minnha u għedtlek: ‘La tikolx minnha,’ misħuta l-art minħabba fik; bit-taħbit tiekol minnha, il-jiem kollha ta’ ħajtek. 18 Xewk u għolliq tnibbitlek, u int tiekol il-ħaxix selvaġġ. 19 Bl-għaraq ta’ ġbinek tiekol ħobżok, sakemm terġa’ lura lejn l-art, għax minnha int meħud. Għax trab int, u fit-trab terġa’ tmur.” 20 U Adam semma lil martu Eva għax hi kienet omm il-ħajjin kollha. 21 U l-Mulej Alla għamel lil Adam u ’l martu ħwejjeġ tal-ġild u libbishomlhom. Il-bniedem imkeċċi mill-Għeden 22 U qal il-Mulej Alla: “Ara issa l-bniedem sar bħal wieħed minna, jagħraf it-tajjeb u l-ħażin; u issa xi jkun jekk imur imidd idejh u jieħu wkoll mis-siġra tal-ħajja, u jiekol, u jibqa’ ħaj għal dejjem?” 23 Għalhekk il-Mulej Alla keċċieh ’il barra mill-ġnien tal-Għeden biex jaħdem l-art li minnha kien ittieħed. 24 U ħareġ lill-bniedem, u qiegħed il-kerubini n-naħa tal-Lvant tal-ġnien tal-Għeden, u s-sejf tan-nar iżiġġ, biex iħarsu t-triq għas-siġra tal-ħajja. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society