ĠENESI 2 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 2 1 U hekk intemmu s-sema u l-art bit-tagħmir kollu tagħhom. 2 U fis-seba’ jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel, u waqaf fis-seba’ jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel. 3 U bierek Alla s-seba’ jum u qaddsu, għax fih waqaf mix-xogħol kollu tiegħu li kien għamel fil-ħolqien. 4 Dan hu nisel is-sema u l-art fil-ħolqien tagħhom. Meta Alla ħalaq l-art u s-sema; Il-bniedem fl-Għeden 5 meta kien għad ma hemm ebda xitla tar-raba’ fuq l-art; meta ebda ħaxix tar-raba’ ma kien għadu nibet - għax il-Mulej Alla kien għadu ma bagħatx xita fuq l-art, u bniedem ma kienx hemm biex jaħdem l-art, 6 minkejja l-ilma tiela’ mill-art li sata’ jsaqqi l-wiċċ kollu tal-art - 7 il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja. 8 U l-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, in-naħa tal-Lvant, u qiegħed hemm il-bniedem li kien sawwar. 9 U l-Mulej Alla nibbet mill-art is-siġar kollha li jpaxxu l-għajn u bnina għall-ikel; u s-siġra tal-ħajja f’nofs il-ġnien u s-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin. 10 U kien hemm xmara ħierġa mill-Għeden u ssaqqi l-ġnien; u minn hemm kienet tinqasam f’erbat irjus. 11 L-ewwel waħda kien jisimha Pison, hi li ddur mal-art kollha ta’ Ħawila, fejn hemm id-deheb - 12 u d-deheb ta’ din l-art hu sabiħ, u hemm ukoll gomma tfuħ u ħaġar tal-oniċi. 13 U t-tieni kien jisimha Giħon, li ddur mal-art kollha ta’ Kus. 14 U t-tielet kien jisimha Tigri, li kienet tgħaddi n-naħa tal-Lvant tal-Assirja; u r-raba’ xmara kienet l-Ewfrat. 15 U l-Mulej Alla ħa lill-bniedem u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden biex jaħdmu u jħarsu. 16 U l-Mulej Alla ordna lill-bniedem u qallu: “Mis-siġar kollha tal-ġnien tista’ tiekol, 17 imma mis-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut.” 18 U l-Mulej Alla qal: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih. 19 U l-Mulej Alla sawwar mill-art annimali selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru, u ġiebhom quddiem il-bniedem biex jara xi jsemmihom; u skont ma jkun il-bniedem semma lil kull ħliqa ħajja, dak ikun isimha. 20 U l-bniedem ta isem lil kull bhima u ’l kull tajra tal-ajru, u ’l kull annimal selvaġġ; imma għall-bniedem ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih. 21 U l-Mulej Alla tefa’ nagħsa tqila fuq il-bniedem; u dan raqad. U ħadlu waħda minn kustiljih u flokha mlieh bil-laħam. 22 U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f’mara u ġiebha lill-bniedem. 23 Imbagħad il-bniedem qal: “Din id-darba din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi, għalhekk tissejjaħ mara, għax mir-raġel ittieħdet hi.” 24 Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed. 25 U t-tnejn kienu għerja, ir-raġel u martu, u ma kinux jistħu minn xulxin. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society