ĠENESI 13 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 13 Abram u Lot jinfirdu 1 U Abram tala’ mill-Eġittu, hu u martu, b’kulma kellu, u Lot miegħu lejn in-Negeb. 2 U Abram stagħna ħafna b’imrieħel, fidda u deheb. 3 U raġa’ lura fuq triqtu min-Negeb sa Betel, sal-post fejn qabel kellu l-għarix bejn Betel u Għaj, 4 sa fejn l-artal li kien għamel qabel; u hemm sejjaħ isem il-Mulej. 5 U Lot ukoll, li kien ġie ma’ Abram, kellu mrieħel, baqar u għerejjex. 6 U l-art ma kinitx tiflaħ għalihom li jgħammru flimkien, għax ġidhom kien kbir u ma setgħux jgħammru flimkien. 7 U kien hemm tilwima bejn ir-rgħajja tal-imrieħel ta’ Abram u bejn ir-rgħajja tal-imrieħel ta’ Lot. U l-Kangħanin u l-Periżżin kienu għadhom jgħammru l-art. 8 U Abram qal lil Lot: “Ma għandux ikun hemm ġlied bejni u bejnek, u bejn ir-rgħajja tiegħi u r-rgħajja tiegħek, għax aħna aħwa. 9 Mhix l-art kollha quddiemek? Tbiegħed minni, nitolbok. Jekk tiġbed lejn ix-xellug, jien immur lejn il-lemin, u jekk tiġbed lejn il-lemin, jien immur lejn ix-xellug.” 10 U Lot rafa’ għajnejh, u ra li l-inħawi kollha madwar il-Ġordan kien kollu raba’ saqwi - qabel ma l-Mulej qered lil Sodoma u ’l Gomorra - bħall-ġnien tal-Mulej u bħall-art tal-Eġittu sa ħdejn Sogħar. 11 U Lot għażel l-inħawi kollha madwar il-Ġordan u telaq lejn il-Lvant; u hekk tbiegħdu minn xulxin. 12 Abram baqa’ jgħammar fl-art ta’ Kangħan u Lot beda jgħammar fl-ibliet tal-wied u waqqaf l-għerejjex sa Sodoma. 13 Imma n-nies ta’ Sodoma kienu ħżiena u midinba ħafna quddiem il-Mulej. 14 U l-Mulej kellem lil Abram wara li Lot kien tbiegħed minnu: “Arfa’ għajnejk u ħares mill-post fejn int qiegħed, lejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, lejn il-Lvant u l-Punent; 15 l-art kollha li qiegħed tara, lilek nagħtiha u lil nislek għal dejjem. 16 U nagħmel lil nislek bħat-trab tal-art. Jekk xi ħadd jista’ jgħodd it-trab tal-art, lil nislek ukoll ikun jista’ jgħodd. 17 Qum u aqsam l-art minn tulha u mill-wisa’ tagħha, għax lilek se nagħtiha.” 18 U rafa’ Abram l-għarix u mar jgħammar ħdejn il-balluta ta’ Mamri, li hemm f’Ħebron. U bena hemm artal lill-Mulej. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society