Online Bible

- Reklamy -

ĠENESI 12 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 12 Is-sejħa ta’ Abram

1 U l-Mulej qal lil Abram: “Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik.

2 U jien nagħmlek ġens kbir, inbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka.

3 Jien inbierek lil min ibierkek, u nisħet lil min jisħtek.

4 U jitbierku bik it-tribujiet kollha tal-art.” U telaq Abram kif kien qallu l-Mulej; u mar miegħu Lot. U Abram kellu ħamsa u sebgħin sena meta ħareġ minn Ħaran.

5 U ħa miegħu Abram ’il Saraj martu, u ’l Lot bin ħuh, u l-ġid kollu li kienu għamlu, u n-nies li kienu kisbu f’Ħaran. U ħarġu biex imorru fl-art ta’ Kangħan, u waslu f’art Kangħan.

6 U Abram qasam l-art sas-santwarju ta’ Sikem, sal-balluta ta’ Mori; u dak iż-żmien kien hemm il-Kangħanin fl-art.

7 U l-Mulej deher lil Abram u qallu: “Lil nislek għad nagħti din l-art.” U hemm bena artal lill-Mulej, li kien deherlu.

8 Minn hemm telaq lejn il-muntanja fuq in-naħa tal-Lvant ta’ Betel, u waqqaf l-għarix tiegħu hemm, b’Betel fuq il-Punent u Għaj fuq il-Lvant. U bena hemm artal lill-Mulej u sejjaħ isem il-Mulej.

9 U Abram baqa’ sejjer, miexi, miexi lejn il-Negeb.


Abram fl-Eġittu

10 U waqa’ l-ġuħ fuq l-art, u Abram niżel l-Eġittu biex jgħammar hemm bħala frustier; għax il-ġuħ kien għafas sew.

11 U malli kien qorob biex jidħol l-Eġittu, qal lil Saraj, martu: “Ara, jien naf li int mara sabiħa fil-għajn;

12 u issa meta jarawk l-Eġizzjani jgħidu: ‘Martu din!’ u joqtlu lili, u jħallu lilek ħajja.

13 Għid, mela, li inti oħti, biex jien ikolli r-riżq bik, u ħajti tibqa’ sħiħa minħabba fik.”

14 U ġara li malli Abram daħal l-Eġittu, l-Eġizzjani raw li l-mara kienet sabiħa ħafna:

15 rawha wkoll il-fizzjali tal-Fargħun u faħħruha quddiem il-Fargħun; u ħaduha fil-palazz tal-Fargħun.

16 U Abram kellu r-riżq minħabba fiha, għax kellu mrieħel u baqar, ħmir u qaddejja rġiel u nisa, u ħmir nisa u iġmla.

17 Imma l-Mulej darab lill-Fargħun u ’l daru b’kastigi kbar minħabba Saraj, il-mara ta’ Abram.

18 U l-Fargħun sejjaħ lil Abram u qallu “X’inhu dan li għamiltli? Għala ma wrejtnix li din hi martek?

19 Għala għedtli: ‘Din oħti’ u jien ħadtha b’marti? Issa, mela, hawn hi martek, ħudha u itlaq.”

20 U l-Fargħun ta l-ordnijiet dwaru lil xi rġiel, u dawn qabbduh it-triq, lilu u ’l martu, b’kulma kellu.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy