Online Bible

- Reklamy -

ĠENESI 11 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 11 It-torri ta’ Babel

1 U l-art kollha kienet ilsien wieħed u kliem wieħed.

2 Meta l-bnedmin telqu mil-Lvant sabu wita f’art Singħar u baqgħu hemm.

3 U qalu wieħed lil ieħor: “Ejjew nagħmlu l-madum u naħmuh sewwa!” U l-madum kienu jużawh flok il-ġebel, u l-qatran flok it-tajn.

4 U reġgħu qalu: “Ejjew nibnu belt għalina, u torri, bil-quċċata tiegħu tilħaq is-smewwiet, u nagħmlu isem għalina, ħalli ma nixterdux mal-wiċċ kollu tal-art.”

5 U l-Mulej niżel jara l-belt u t-torri li kienu qegħdin jibnu l-bnedmin.

6 U l-Mulej qal: “Arahom, poplu wieħed u lsien wieħed għalihom ilkoll. U dan għadu l-bidu ta’ xogħolhom; issa kulma jiġihom f’rashom xejn ma jaqtgħalhom qalbhom!

7 Ejja, ħa ninżlu u nħabblulhom ilsienhom, ħalli ma jifhmux ilsien xulxin.”

8 U l-Mulej xerridhom minn hemm għal fuq wiċċ l-art kollha, u waqfu mill-bini tal-belt.

9 Għalhekk bdew isejħulha Babel, għax hemm ħawwad il-Mulej ilsien l-art, u minn hemm xerridhom il-Mulej mal-wiċċ kollu tal-art.


Il-familja ta’ Sem

10 Dan hu nisel Sem. Sem kellu mitt sena meta wiled lil Arfaksad, sentejn wara d-dilluvju.

11 U wara li wiled lil Arfaksad, Sem għex ħames mitt sena oħra, u wiled subien u bniet.

12 U Arfaksad kellu ħamsa u tletin sena meta wiled lil Selaħ.

13 U wara li wiled lil Selaħ, Arfaksad għex erba’ mija u tliet snin oħra, u wiled subien u bniet.

14 U Selaħ kellu tletin sena meta wiled lil Għeber.

15 U wara li wiled lil Għeber, Selaħ għex erba’ mija u tliet snin oħra, u wiled subien u bniet.

16 U Għeber kellu erbgħa u tletin sena meta wiled lil Peleg;

17 u wara li wiled lil Peleg, Għeber għex erba’ mija u tletin sena oħra, u wiled subien u bniet.

18 U Peleg kellu tletin sena meta wiled lil Regħu:

19 u wara li wiled lil Regħu, Peleg għex mitejn u disa’ snin oħra, u wiled subien u bniet.

20 U Regħu kellu tnejn u tletin sena meta wiled lil Xerug;

21 u wara li wiled lil Xerug, Regħu għex mitejn u seba’ snin oħra, u wiled subien u bniet.

22 U Xerug kellu tletin sena meta wiled lil Naħor;

23 u wara li wiled lil Naħor, Xerug għex mitejn sena oħra, u wiled subien u bniet.

24 U Naħor kellu disgħa u għoxrin sena meta wiled lil Teraħ;

25 u wara li wiled lil Teraħ, Naħor għex mija u dsatax-il sena oħra; u wiled subien u bniet.

26 Teraħ kellu sebgħin sena meta wiled lil Abram, lil Naħor, u lil Ħaran.


Il-familja ta’ Abram

27 Dan hu nisel Teraħ: Teraħ wiled lil Abram, lil Naħor, u lil Ħaran. U Ħaran wiled lil Lot.

28 Ħaran miet qabel Teraħ missieru, f’art twelidu, f’Ur tal-Kaldin.

29 Abram u Naħor iżżewġu; mart Abram kien jisimha Saraj; u mart Naħor Milka bint Ħaran, missier Milka u Giska.

30 Saraj kienet sterili, u ma kellhiex tfal.

31 U Teraħ qabad lil ibnu Abram, lil Lot bin Ħaran, jiġifieri bin ibnu, il-kunjata Saraj, mart ibnu Abram, u telaq bihom minn Ur tal-Kaldin lejn l-art ta’ Kangħan; u waslu Ħaran u baqgħu hemm.

32 U għomor Teraħ kien laħaq il-mitejn u ħames snin; u Teraħ miet f’Ħaran.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy