Online Bible

- Reklamy -

ĠAKBU 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 Tislima

1 Ġakbu, qaddej ta’ Alla u tal-Mulej Ġesù Kristu, lit-tnax-il tribù mxerrda mad-dinja: sliem.


Fidi u għerf

2 Ħuti, għoddu kollox b’ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma’ kull xorta ta’ tiġrib,

3 għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar.

4 Ħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn.

5 Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, għandu jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd, u jagħtihulu.

6 Mela ħa jitlob bil-fidi, bla ma jitħasseb xejn, għax min jitħasseb ikun jixbah lill-mewġ tal-baħar imqanqal u mqalleb bir-riħ.

7 Bniedem bħal dan ma għandux jistenna li se jaqla’ xi ħaġa mingħand il-Mulej;

8 hu bniedem mifxul fih innifsu, u m’huwiex żgur mit-triq li jagħżel.


Faqar u għana

9 Ħa jiftaħar ħuna l-fqir li Alla għollieh,

10 u l-għani jiftaħar fl-umiljazzjoni tiegħu. Għax dan jgħib bħal ward ir-raba’;

11 titla’ x-xemx tisreġ u bis-sħana tnixxef il-ħaxix, u l-fjur tiegħu jaqa’ u s-sbuħija ta’ surtu tgħib; hekk ukoll jiġrilu l-għani f’kulma jmidd għonqu għalih.


Taħbit u tiġrib

12 Hieni l-bniedem li jistabar fit-tiġrib, għax wara li jkun għeleb it-tiġrib, jaqla’ l-kuruna tal-ħajja li l-Mulej wiegħed lil dawk li jħobbuh.

13 Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: “Alla qiegħed iġarrabni,” għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin, u anqas mhu se jġarrab lil ħadd.

14 Għax kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu stess.

15 Imbagħad il-passjoni, meta tnissel, tiled id-dnub; u d-dnub, meta jilħaq il-milja tiegħu, iġib il-mewt.

16 La titqarrqux, aħwa għeżież tiegħi.

17 Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta’ tidwir.

18 Għax ried hu, wilidna bil-kelma tal-verità, biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.


Nisimgħu l-kelma u nagħmluha

19 Kunu afu dan, ħuti għeżież. Araw li kull bniedem ikun ħafif biex jisma’, tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla.

20 Għax bniedem inkurlat ma jagħmilx il-ġustizzja ta’ Alla.

21 Neħħu għalhekk minn fuqkom kulma hu mniġġes u kull fdal ta’ ħażen, u ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawla fikom, li tista’ ssalvalkom ruħkom.

22 Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom.

23 Għax jekk xi ħadd jisma’ l-kelma u ma jagħmilhiex, ikun bħal bniedem li jara f’mera l-wiċċ li bih twieled:

24 jara lilu nnifsu, jitlaq, u malajr jinsa kif kien.

25 Imma dak li jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jisma’ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fl-għemil tiegħu.

26 Jekk xi ħadd jidhirlu li hu reliġjuż, u lsienu ma jrażżnux u jqarraq b’qalbu, fiergħa hi r-reliġjon tiegħu.

27 Quddiem Alla u Missierna r-reliġjon ġenwina u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis ’il bogħod mid-dinja.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy