Online Bible

- Reklamy -

FILIPPIN 4 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 4

1 Għalhekk, intom, ħuti li intom l-għożża u x-xewqa tiegħi, ferħ u kuruna tiegħi, żommu sħiħ fil-Mulej, maħbubin tiegħi.


Twissijiet

2 Lil Evojda u lil Sintiki nitlobhom bil-ħerqa biex ikunu ta’ fehma waħda fil-Mulej.

3 U lilek ukoll nitlob, sieħbi Siżigu, għinhom int, għax huma t-tnejn tħabtu miegħi fix-xogħol tal-Evanġelju flimkien ma’ Klement u l-bqija ta’ sħabi. Isimhom miktub fil-ktieb tal-ħajja.

4 Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu.

5 Il-ħlewwa tagħkom, ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha. Il-Mulej qorob.

6 Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr.

7 U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kulma l-moħħ jista’ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.

8 Mill-bqija, l-aħwa, f’dan għandkom taħsbu: f’kulma hu veru, f’kulma hu xieraq, f’kulma hu ġust, f’kulma hu safi, f’kulma jiġbed l-imħabba, f’kulma jistħoqqlu l-ġieħ, f’kulma hu virtù, f’kulma ħaqqu t-tifħir; f’dan kollu aħsbu.

9 U kulma tgħallimtu u ħadtu mingħandna, u smajtu u rajtu fina, agħmluh. Alla tas-sliem ikun magħkom.


L-għajnuna tal-Filippin

10 Jiena fraħt ħafna fil-Mulej talli fl-aħħar erġajtu ħadtu ħsiebi. Minn daqshekk intom dejjem ħsibtu fija, imma sa issa ma kellkomx okkażjoni.

11 Qiegħed ngħid dan mhux għax neħtieġ xi ħaġa; jien issa tgħallimt ngħaddi b’dak li jkolli;

12 naf ngħix fl-għaks, u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod għal kollox: ix-xaba’ u l-ġuħ, il-ġid u l-għaks.

13 Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.

14 Għamiltu sewwa ħafna meta qsamtu miegħi tbatijieti.

15 Intom tafu wkoll, Filippin, li fil-bidu tax-xandir tal-Evanġelju, meta ħallejt il-Maċedonja, ebda knisja oħra ħliefkom ma ssieħbet miegħi fil-qligħ u t-telf;

16 għax imqar meta kont fit-Tessalonika, għal darba tnejn bgħattu tgħinuni meta kont neħtieġ.

17 Mhux għax jien infittex l-għotjiet, iżda nfittex li l-frott joktor għall-ġid tagħkom.

18 Għandi kulma neħtieġ u iktar. Imtlejt b’kulma wasalli mingħandkom permezz ta’ Epafroditu bħala offerta tfuħ u sagrifiċċju milqugħ u mogħġub minn Alla.

19 Jimliekom Alla tiegħi b’kull ġid fil-ħtieġa tagħkom, skont l-għana tal-glorja fi Kristu Ġesù.

20 Lil dan Alla u Missierna, glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.


L-aħħar tislijiet

21 Sellu għal kull qaddis fi Kristu Ġesù.

22 Isellmulkom l-aħwa li hawn miegħi. Isellmulkom il-qaddisin kollha, l-aktar dawk li huma mill-palazz ta’ Ċesari.

23 Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy