FILIPPIN 3 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 3 Il-qdusija vera 1 Mill-bqija, ħuti, ifirħu fil-Mulej! Jiena ma niddejjaqx niktbilkom fuq l-istess ħwejjeġ, għaliex dan isaħħaħkom. 2 Oqogħdu attenti mill-klieb! Oqogħdu attenti minn dawk li jagħmlu l-ħażen! Attenti minn dawk li jridu t-tqattigħ tal-ġisem! 3 Għax dawk li tassew għandhom iċ-ċirkonċiżjoni huma aħna; aħna li qegħdin naqdu lil Alla fl-Ispirtu u niftaħru fi Kristu Ġesù; aħna li ma nqegħdux il-fiduċja tagħna fil-ġisem, 4 għad li jien nista’ nqiegħed il-fiduċja tiegħi fil-ġisem. Jekk hemm xi ħadd li għandu għax iqiegħed it-tama tiegħu fil-ġisem, jiena għandi aktar minnu: 5 ta’ tmint ijiem għamluli ċ-ċirkonċiżjoni, twelidt fil-poplu ta’ Iżrael, mit-tribù ta’ Benjamin, Lhudi mil-Lhud, Fariżew fl-osservanza tal-Liġi; 6 biż-żelu li kelli, ippersegwitajt il-Knisja; għal dik li hi ġustizzja tal-Liġi, ħadd ma sata’ jgħid xejn fija. 7 Imma dak kollu li għalija kien qligħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu. 8 Jiena ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi; minħabba fih ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu, 9 u nkun ninsab fih; mhux għax għandi xi ġustizzja tiegħi, dik li tiġi permezz tal-Liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu, il-ġustizzja ġejja minn Alla u mibnija fuq il-fidi. 10 Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, 11 biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet. Inħarsu ’l quddiem 12 M’iniex ngħid li jiena ġa ksibtu, jew li jien ġa perfett. Imma rross ’il quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu Ġesù ġa ħataf lili. 13 L-aħwa, ma jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa ’l ta’ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; 14 niġri ’l quddiem lejn it-tmiem, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejħilna hemm fuq fi Kristu Ġesù. 15 Aħna li aħna perfetti, ħa nkunu ta’ din il-fehma. Jekk taħsbu xorta oħra, jagħtikom id-dawl Alla. 16 Mill-bqija, wasalna fejn wasalna, ħa nimxu pass wieħed. 17 L-aħwa, ixbhu lili, u ħarsu lejn dawk li jimxu skont l-eżempju li rajtu fina. 18 Għaliex hawn ħafna - dan għedthulkom bosta drabi, imma issa ntennihulkom bid-dmugħ f’għajnejja - hawn ħafna li jġibu ruħhom bħal għedewwa tas-salib ta’ Kristu. 19 It-telfien għad ikun tmiemhom; alla tagħhom hu żaqqhom, jiftaħru b’dak li jmisshom jistħu minnu, u moħħhom biss fil-ħwejjeġ tad-dinja. 20 Imma aħna pajjiżna fis-sema; minn hemm bil-ħerqa nistennewh jiġi, is-Salvatur tagħna Sidna Ġesù Kristu. 21 Hu għad irid ibiddlilna l-ġisem imsejken tagħna fis-sura tal-ġisem glorjuż tiegħu, bil-qawwa tas-setgħa li għandu li jġib kollox taħtu. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society