EŻODU 40 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 40 Mosè jwaqqaf it-tabernaklu 1 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2 “Fl-ewwel jum tal-ewwel xahar inti twaqqaf it-tabernaklu tat-tinda tal-laqgħa, 3 u tpoġġi hemm fih l-arka tax-xhieda miktuba u tgħatti l-arka bil-velu, 4 u ġġib il-mejda u t-tagħmir kollu tagħha; u ġġib l-imnara u tqegħdilha l-imsiebaħ fuqha. 5 U ġġib l-artal tad-deheb għall-inċens ifuħ għal quddiem l-arka tax-xhieda miktuba, u tqiegħed ukoll it-tinda fi dħul it-tabernaklu. 6 Inti tqiegħed l-artal tas-sagrifiċċju tal-ħruq quddiem id-dħul tat-tabernaklu tal-laqgħa. 7 Tqiegħed il-ħawt bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal, u timlieh bl-ilma. 8 U tagħmel il-bitħa madwarha u ddendel il-purtiera ta’ bieb il-bitħa. 9 Imbagħad ħu ż-żejt tal-konsagrazzjoni u idlek it-tabernaklu u kulma fih; tikkonsagrah bit-tagħmir kollu, u jsir sagru. 10 Tidlek ukoll l-artal tas-sagrifiċċju tal-ħruq, bit-tagħmir kollu tiegħu. Tikkonsagra l-artal u jkun mill-aktar sagru. 11 Tidlek il-ħawt bil-maqgħad tiegħu, u tikkonsagrah. 12 “Imbagħad tressaq lil Aron u lil uliedu fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u taħsilhom bl-ilma. 13 Tlibbes lil Aron bl-ilbies sagru, tidilku u tikkonsagrah, biex iservini ta’ qassis. 14 Tressaq ukoll lil uliedu u tlibbishom bit-tonok. 15 Tidlikhom bħalma tkun dlikt lil missierhom, biex iservuni ta’ qassisin; b’din l-unzjoni tagħhom ikunu qassisin għal dejjem, għall-ġenerazzjonijiet tagħhom kollha.” 16 Mosè għamel kollox kif kien ordnalu l-Mulej. 17 Fl-ewwel xahar tat-tieni sena, fl-ewwel jum tax-xahar talla’ t-tabernaklu. 18 Mosè waqqaf it-tabernaklu; poġġa l-imqagħad tiegħu, qiegħed it-twavel, waħħal it-traversi u waqqaf il-pilastri. 19 Firex it-tinda fuq it-tabernaklu, u qiegħed l-għata fuqu, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè. 20 Ħa x-xhieda miktuba u qegħedha fl-arka; daħħal il-lasti fl-arka u qiegħed l-għatu fuq l-arka minn fuq. 21 Qiegħed l-arka fit-tinda; dendel il-purtiera tal-velu u għatta l-arka tax-xhieda miktuba, bħalma l-Mulej kien ordna lil Mosè. 22 Imbagħad qiegħed il-mejda fit-tinda tal-laqgħa, fuq in-naħa tat-Tramuntana tat-tabernaklu, ’il barra mill-velu. 23 Fuqha qiegħed tagħmira ħobż quddiem il-Mulej, bħalma kien ordna l-Mulej lil Mosè. 24 Qiegħed ukoll l-imnara fit-tinda tal-laqgħa biswit il-mejda, in-naħa ta’ Nofsinhar tat-tabernaklu. 25 Qiegħed fuqha l-imsiebaħ quddiem il-Mulej, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè. 26 Qiegħed ukoll l-artal tad-deheb fit-tinda tal-laqgħa, ’il barra mill-velu. 27 Fuqu ħaraq l-inċens ifuħ, kif il-Mulej kien ordna lil Mosè. 28 Dendel il-purtiera fi dħul it-tabernaklu. 29 Poġġa l-artal tas-sagrifiċċju tal-ħruq fi dħul it-tabernaklu tat-tinda tal-laqgħa u fuqu offra sagrifiċċji maħruqa u offerti, bħalma l-Mulej kien ordna lil Mosè. 30 Poġġa l-ħawt bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal, u mlieh bl-ilma għall-ħasil. 31 Inħaslu fih Mosè u Aron u wliedu, idejhom u riġlejhom. 32 Kull meta kienu jidħlu fit-tinda tal-laqgħa jew jersqu lejn l-artal kienu jinħaslu, kif il-Mulej kien ordna lil Mosè. 33 Waqqaf ukoll il-bitħa madwar it-tabernaklu u l-artal; u dendel il-purtiera fil-bieb tal-bitħa. Hekk Mosè temm ix-xogħol kollu. Il-glorja tal-Mulej fuq it-tabernaklu 34 Imbagħad is-sħaba ksiet it-tinda tal-laqgħa; u l-glorja tal-Mulej imliet it-tabernaklu. 35 Mosè ma setax jidħol fit-tinda tal-laqgħa, għax fuqha kien hemm tistrieħ is-sħaba, u l-glorja tal-Mulej kienet timla t-tabernaklu. 36 Kull meta s-sħaba kienet tintrefa’ minn fuq it-tabernaklu, ulied Iżrael kienu jitilqu minn fejn ikunu. 37 U jekk is-sħaba ma kinetx tintrefa’, anqas huma ma kienu jitilqu, qabel ma tintrefa’ hi. 38 Binhar kien ikun hemm is-sħaba tal-Mulej tistrieħ fuq it-tabernaklu, imma billejl kien ikun hemm in-nar, li kienu jarawh ulied Iżrael fil-mixi kollu tagħhom. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society