Aanlyn Bybel

- Advertensies -

TITU 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 Tislima

1 Jiena Pawlu, qaddej ta’ Alla, u appostlu ta’ Ġesù Kristu biex immexxi l-maħturin ta’ Alla fil-fidi u nwassalhom għat-tagħrif tal-verità li twassal għat-tjieba,

2 bit-tama tal-ħajja ta’ dejjem. Alla, li ma jigdibx, wegħedhielna sa minn qabel iż-żminijiet,

3 u meta wasal il-waqt irrivelahielna bil-kelma tiegħu permezz tal-predikazzjoni li kienet fdata lili skont l-ordni ta’ Alla, is-Salvatur tagħna.

4 Qiegħed nikteb lil Titu, ibni veru fil-fidi tagħna lkoll: lilu grazzja u sliem mingħand Alla l-Missier u mingħand Kristu Ġesù s-Salvatur tagħna.


Ix-xogħol ta’ Titu fi Kreta

5 Għalhekk jiena ħallejtek fi Kreta, biex tqassam kollox bl-ordni, u biex taħtar presbiteri f’kull belt, skont ma ordnajtlek.

6 Kull min ikun maħtur ma għandu jkollu xejn x’wieħed jgħid fih; ikun raġel ta’ mara waħda, u jkollu wliedu jemmnu, bla ma ħadd jista’ jixlihom bi mġiba żienja jew bla rażan.

7 L-isqof, bħala amministratur ta’ Alla, għandu jkun bniedem li ħadd ma jista’ jgħid xejn fih; ma għandux ikun mimli bih innifsu, ma jinkurlax malajr, ma jkunx mogħti għax-xorb, ma jkunx ġellied jew rgħib;

8 imma jkun bniedem li jilqa’ ’l-barranin, iħobb it-tajjeb, meqjus, ġust, qaddis, irżin;

9 bniedem li jżomm sħiħ mal-kelma ta’ min jemminha, biex ikun jista’ jqawwi qalb l-oħrajn bid-duttrina sħiħa u jwiddeb lil min imieri.

10 Għax hemm ħafna minn dawk li ma jridux joqogħdu għal ħaddieħor, li jitkellmu fil-vojt u li jqarrqu bl-oħrajn; issibhom l-aktar fost dawk min-naħa tal-Lhud.

11 Dawn jeħtiġilhom jitrażżnu, għax qegħdin jaqilbu ta’ taħt fuq familji sħaħ, billi għal qligħ baxx jgħallmu ħwejjeġ li ma jmisshomx jgħallmuhom.

12 Wieħed minnhom, poeta tagħhom stess, qal: “In-nies ta’ Kreta dejjem giddibin, bhejjem qliel, żaqqiqin u għażżenin.”

13 Din ix-xhieda hi minnha. Għalhekk għandek teħodhom bl-iebes, biex iżommu sħiħ fil-fidi

14 u ma jagħtux widen għall-ħrejjef tal-Lhud u għall-ordnijiet ta’ nies li warrbu l-verità minn quddiem għajnejhom.

15 Kollox hu safi għal min hu safi; imma għal dawk li huma mħassrin u li ma jemmnux, xejn ma hu safi; sa moħħhom u l-kuxjenza tagħhom huma mħassra.

16 Jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh; huma nies ta’ min jistmerrhom, rashom iebsa, u ma jinqalgħu għal xejn tajjeb.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies