Aanlyn Bybel

- Advertensies -

SOFONIJA 2 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 2 Stedina għall-konverżjoni

1 Inġemgħu, inġabru, ġens bla mistħija,

2 qabel ma tkunu misħuqin bħall-karfa wara jum xogħol; qabel ma l-korla mħeġġa tal-Mulej tilħaqkom; qabel ma jum il-korla tal-Mulej jasal għal fuqkom.

3 Fittxu l-Mulej ilkoll, intom, l-umli tal-art, li tagħmlu ordnijietu; fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umiltà: biex forsi f’jum il-korla tal-Mulej ikollkom fejn tistkennu.


L-għadu mill-Punent: il-Filistin

4 Għax Gaża għad tkun ħerba, u Askalon deżert; Asdod titkeċċa ’l barra f’nofsinhar, Għekron titqaċċat.

5 Ħażin għalikom, nies ta’ qrib il-baħar, ġens tal-Keretin! Din hija kelmet il-Mulej kontrikom: “Għad inbaxxik, art tal-Filistin, neqirdek qerda, hekk li ma jibqa’ ħadd min jgħammar fik,

6 u ssir mergħat, fejn biss rgħajja jirgħu, art ta’ qrib il-baħar, u mnadar għall-imrieħel.”

7 U ssir tal-bqija ta’ dar Ġuda x-xtajta, u jirgħu fiha, imbagħad għal filgħaxija jimteddu ġewwa d-djar ta’ Askalon. Għax il-Mulej iżurhom, Alla tagħhom, u jreġġagħhom għal li kienu.


L-għadu mil-Lvant: Mowab u Għammon

8 “Smajt lil Mowab imaqdar, smajt iż-żebliħ ukoll ta’ wlied Għammon, kif maqdru l-poplu tiegħi u tkabbru kontra arthom.

9 Għalhekk, daqs kemm jien ħaj,” oraklu tal-Mulej tal-eżerċti, Alla ta’ Iżrael, “għax bħal Sodoma jiġri lil Mowab, u bħal Gomorra lil ulied Għammon: isiru għalqa bil-ħurrieq miżgħuda, u moxa kollha melħ, ħerba għal dejjem. Fdal il-poplu tiegħi jeħduhom bi priża; u l-bqija ta’ ġensi jiksbuhom bħala wirt.”

10 Jiġrilhom dan minħabba t-tkabbir tagħhom, għax huma maqdru u tkabbru kontra l-poplu tal-Mulej tal-eżerċti.

11 Tal-biża’ jkun għalihom il-Mulej, għax kollha jtemmhom lill-allat tal-art, jinxteħtu jqimuh, kulħadd fi mkienu, il-gżejjer kollha tan-nazzjonijiet.


L-għadu min-Nofsinhar: l-Etjopja

12 Intom ukoll, ja poplu ta’ Kus: “Ikunu dawn minfuda mis-sejf tiegħi.”


L-għadu mit-Tramuntana: l-Assirja

13 U jifrex idu lejn it-Tramuntana: u jeqred lil Assirja; u jagħmel ħerba waħda minn Ninwè, art niexfa bħad-deżert.

14 Ġo nofsha mbagħad jimteddu fl-art l-imrieħel u bhejjem ta’ kull ġens: sal-pellikan u sal-qanfud jgħammru fil-kapitelli tagħha; il-barbaġann fit-tieqa jsamma’ leħnu, l-għorab fuq l-għatba, għaliex l-injam taċ-ċedru nqala’ minnha.

15 Din hija l-belt ferrieħa u b’moħħ mistrieħ, li f’qalbha kienet tgħid, “Jien biss, ħadd ħliefi”! Kif saret ħerba, fejn jimteddu l-bhejjem! Kull min minn ħdejha jgħaddi jaqbad isaffar u idu jxejjer lejha.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies