RUMANI 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 1 Tislima 1 Pawlu, qaddej ta’ Kristu Ġesù, imsejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju ta’ Alla. 2 Dan hu l-Evanġelju li Alla kien wiegħed permezz tal-profeti fil-Kotba Mqaddsa 3 dwar Ibnu Ġesù Kristu Sidna li, skont it-tnissil tal-ġisem, twieled min-nisel ta’ David, 4 u, skont l-Ispirtu s-Santu, ġie rivelat bħala l-Iben ta’ Alla b’kull qawwa permezz tal-qawmien mill-imwiet. 5 Bih aħna rċevejna l-grazzja tal-appostolat biex inwasslu għall-ubbidjenza tal-fidi l-bnedmin fost il-ġnus kollha għall-ġieħ ta’ ismu. 6 Fosthom tinsabu intom ukoll, imsejħin biex tkunu ta’ Ġesù Kristu; 7 lill-maħbubin kollha ta’ Alla li jinsabu Ruma msejħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu. Pawlu jixtieq iżur Ruma 8 Qabel xejn niżżi ħajr lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu, għaliex il-fidi tagħkom isemmuha fid-dinja kollha. 9 Jixhidli Alla, li jien naqdi b’qalbi kollha billi nxandar l-Evanġelju ta’ Ibnu, li jien niftakar fikom dejjem fit-talb tiegħi. 10 Jien nitlob dejjem li nkun nista’ xi darba, jekk Alla jrid, niġi għandkom. 11 Nixtieq ħafna narakom u naqsam magħkom id-doni spiritwali biex inwettaqkom, 12 jiġifieri nqawwu lil xulxin permezz tal-fidi li għandna, jien lilkom u intom lili. 13 Nixtieqkom tkunu tafu, l-aħwa, li kemm-il darba għamilt il-ħsieb li niġi għandkom, iżda sa issa dejjem kien hemm xi jżommni; hekk inkun nista’ naħsad xi frott fostkom bħalma għamilt sa issa fost il-bqija tal-ġnus. 14 Jien inħoss ruħi obbligat lejn il-Griegi u l-Barbari, għorrief u mhumiex, 15 għalhekk ninsab ħerqan li nxandar l-Evanġelju lilkom ukoll, li tgħammru f’Ruma. Il-qawwa tal-Evanġelju 16 Jiena ma nistħix mill-Evanġelju; għax l-Evanġelju hu qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Griegi, 17 u fih tidher il-ġustizzja ta’ Alla minn fidi għal fidi, skont ma hemm miktub: “Il-ġust jgħix bil-fidi.” Il-kundanna tad-dinja pagana bla qalb 18 Il-korla ta’ Alla tidher nieżla mis-sema fuq il-ħażen u l-inġustizzja tal-bnedmin li jżommu l-verità mjassra bl-inġustizzja; 19 għax dak li wieħed jista’ jagħraf minn Alla kien, iva, irrivelat lilhom; Alla stess urihulhom. 20 Il-kobor tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu ta’ dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuh sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq, u għalhekk ma għandhom ebda skuża. 21 Imma għad li lil Alla għarfuh, huma la tawh ġieħ ta’ Alla li hu, u lanqas raddewlu ħajr; għall-kuntrarju, moħħhom intilef fil-bluha, u qalbhom bla dehen iddallmet; 22 waqt li riedu jagħmluha ta’ għorrief, bliehu 23 u bidlu l-glorja ta’ dak Alla li ma jintemmx ma’ sura u xbieha tal-bniedem li jintemm, tal-għasafar, tal-bhejjem b’erba’ saqajn, tas-sriep. 24 U għalhekk Alla rħiehom għall-ġibdiet ħżiena ta’ qalbhom, biex niġġsu u waqqgħu fl-għajb lil ġisimhom stess bejniethom. 25 Il-verità ta’ Alla bidluha ma’ gidba, u taw il-ġieħ u l-qima tagħhom lill-ħlejjaq flok ma tawhom lill-Ħallieq, li jkun imbierek għal dejjem. Ammen. 26 Għalhekk Alla telaqhom għal ġibdiet bla ġieħ. In-nisa tagħhom bidlu l-użu naturali fl-użu kontra n-natura; 27 hekk ukoll l-irġiel ħallew l-użu naturali tal-mara u xegħlu bil-passjoni għal xulxin, irġiel ma’ rġiel, biex jagħmlu ħwejjeġ bla ġieħ; u bi ħlas ta’ dan jirċievu fihom infushom il-ħlas li ħaqqhom ħtijiethom. 28 Billi l-bnedmin ma għoġobhomx jagħrfu sewwa lil Alla, Alla rħiehom fil-fehmiet ħżiena tagħhom, biex għamlu dak li ma jixraqx. 29 Imtlew b’kull xorta ta’ inġustizzja, ħażen, regħba, dnewwa; imtlew bl-għira, qtil, ġlied, qerq, malizzja; iqassu 30 u jigdbu kontra xulxin, għedewwa ta’ Alla, insolenti, kburin; minfuħin bihom infushom, joħolqu l-ħażen, diżubbidjenti għall-ġenituri tagħhom, 31 bla moħħ, bla kelma, bla mħabba, bla qalb. 32 Għalkemm kienu jafu l-ħsieb ta’ Alla, jiġifieri, li min jagħmel dan ħaqqu l-mewt, mhux biss jagħmlu dan, imma japprovaw lil min jagħmel hekk. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society