Aanlyn Bybel

- Advertensies -

NUMRI 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 Iċ-ċensiment tal-poplu

1 Il-Mulej kellem lil Mosè fid-deżert tas-Sinaj, fit-tinda tal-laqgħa, fl-ewwel jum tat-tieni xahar, fit-tieni sena mill-ħruġ tagħhom mill-art tal-Eġittu u qallu:

2 “Għoddu l-ġemgħa kollha ta’ Iżrael skont il-familji u d-djar ta’ missirijietkom, u għoddu l-irġiel kollha, wieħed wieħed, b’isimhom,

3 minn għoxrin sena ’l fuq, ’il dawk kollha fost Iżrael tajbin għall-gwerra. Tgħodduhom qatgħa qatgħa, int u Aron.

4 Magħkom ikun hemm ukoll wieħed minn kull tribù, li jkun il-kap ta’ dar missirijietu.

5 “Dawn huma l-ismijiet tal-irġiel li joqogħdu magħkom: Elisur bin Sedewr mit-tribù ta’ Ruben;

6 Selumjel bin Surisaddaj mit-tribù ta’ Simgħon;

7 Naħson bin Għamminadab mit-tribù ta’ Ġuda;

8 Natanjel bin Sugħar mit-tribù ta’ Issakar;

9 Elijab bin Ħelon mit-tribù ta’ Żebulun;

10 Elisama bin Għammiħud mit-tribù ta’ Efrajm u Gamaljel bin Pedaħsur mit-tribù ta’ Manassi, ulied Ġużeppi;

11 Abidan bin Gidegħoni mit-tribù ta’ Benjamin;

12 Aħigħeżer bin Għammisaddaj mit-tribù ta’ Dan;

13 Paggħijel bin Għokran mit-tribù ta’ Aser;

14 Eljasaf bin Degħwel mit-tribù ta’ Gad;

15 Aħira bin Għenan mit-tribù ta’ Naftali.”

16 Dawn kienu l-magħżulin fost il-ġemgħa, il-prinċpijiet tat-tribujiet ta’ missirijiethom, il-kapijiet tal-eluf ta’ Iżrael.

17 Mosè u Aron ħadu lil dawn in-nies li semmew b’isimhom,

18 u sejħu lill-ġemgħa kollha fl-ewwel jum tat-tieni xahar, u għaddew u kitbu b’isimhom lil dawk kollha li kellhom minn għoxrin sena ’l fuq, wieħed wieħed, skont il-familji u d-djar ta’ missirijiethom.

19 Għaddhom Mosè fid-deżert tas-Sinaj, kif kien ordnalu l-Mulej.

20 Għaddew in-nisel ta’ Ruben, l-iben il-kbir ta’ Iżrael: il-lista tat-tribù ta’ Ruben magħduda wieħed wieħed, skont il-familji u d-djar ta’ missirijiethom, bl-isem ta’ kull raġel minn għoxrin sena ’l fuq, tajjeb għall-gwerra,

21 kienet tgħodd sitta u erbgħin elf u ħames mitt ruħ.

22 Għaddew in-nisel ta’ Simgħon: magħduda wieħed wieħed, skont il-familji u d-djar ta’ missirijiethom, bl-isem ta’ kull raġel minn għoxrin sena ’l fuq, tajjeb għall-gwerra,

23 kienet tgħodd disgħa u ħamsin elf u tliet mitt ruħ.

24 Għaddew in-nisel ta’ Gad: il-lista tat-tribù ta’ Gad, magħduda wieħed wieħed, skont il-familji u d-djar ta’ missirijiethom, bl-isem ta’ kull raġel minn għoxrin sena ’l fuq, tajjeb għall-gwerra,

25 kienet tgħodd ħamsa u erbgħin elf u sitt mija u ħamsin ruħ.

26 Għaddew in-nisel ta’ Ġuda: il-lista tat-tribù ta’ Ġuda, magħduda wieħed wieħed, skont il-familji u d-djar ta’ missirijiethom, bl-isem ta’ kull raġel minn għoxrin sena ’l fuq, tajjeb għall-gwerra,

27 kienet tgħodd erbgħa u sebgħin elf u sitt mitt ruħ.

28 Għaddew in-nisel ta’ Issakar: il-lista tat-tribù ta’ Issakar, magħduda wieħed wieħed, skont il-familji u d-djar ta’ missirijiethom, bl-isem ta’ kull raġel minn għoxrin sena ’l fuq, tajjeb għall-gwerra,

29 kienet tgħodd erbgħa u ħamsin elf u erba’ mitt ruħ.

30 Għaddew in-nisel ta’ Żebulun: il-lista tat-tribù ta’ Żebulun, magħduda wieħed wieħed, skont il-familji u d-djar ta’ missirijiethom, bl-isem ta’ kull raġel minn għoxrin sena ’l fuq, tajjeb għall-gwerra,

31 kienet tgħodd sebgħa u ħamsin elf u erba’ mitt ruħ.

32 Għaddew in-nisel ta’ Ġużeppi: il-lista tat-tribù ta’ Efrajm, magħduda wieħed wieħed, skont il-familji u d-djar ta’ missirijiethom, bl-isem ta’ kull raġel minn għoxrin sena ’l fuq, tajjeb għall-gwerra,

33 kienet tgħodd erbgħin elf u ħames mitt ruħ;

34 u l-lista tat-tribù ta’ Manassi, magħduda wieħed wieħed skont il-familji u d-djar ta’ missirijiethom, bl-isem ta’ kull raġel minn għoxrin sena ’l fuq, tajjeb għall-gwerra,

35 kienet tgħodd tnejn u tletin elf u mitejn ruħ.

36 Għaddew in-nisel ta’ Benjamin: il-lista tat-tribù ta’ Benjamin, magħduda wieħed wieħed, skont il-familji u d-djar ta’ missirijiethom, bl-isem ta’ kull raġel minn għoxrin sena ’l fuq, tajjeb għall-gwerra,

37 kienet tgħodd ħamsa u tletin elf u erba’ mitt ruħ.

38 Għaddew in-nisel ta’ Dan: il-lista tat-tribù ta’ Dan, magħduda wieħed wieħed, skont il-familji u d-djar ta’ missirijiethom, bl-isem ta’ kull raġel minn għoxrin sena ’l fuq, tajjeb għall-gwerra,

39 kienet tgħodd tnejn u sittin elf u seba’ mitt ruħ.

40 Għaddew in-nisel ta’ Aser: it-tribù ta’ Aser, magħduda wieħed wieħed, skont il-familji u d-djar ta’ missirijiethom, bl-isem ta’ kull raġel minn għoxrin sena ’l fuq, tajjeb għall-gwerra,

41 kienet tgħodd wieħed u erbgħin elf u ħames mitt ruħ.

42 Għaddew it-tribù ta’ Naftali: il-lista tat-tribù ta’ Naftali, magħduda wieħed wieħed, skont il-familji u d-djar ta’ missirijiethom, bl-isem ta’ kull raġel minn għoxrin sena ’l fuq, tajjeb għall-gwerra,

43 kienet tgħodd tlieta u ħamsin elf u erba’ mitt ruħ.

44 Dawn kienu l-listi li għamlu Mosè u Aron u t-tnax-il prinċep ta’ Iżrael, wieħed għal kull dar.

45 L-għadd kollu ta’ wlied Iżrael magħdudin skont id-djar ta’ missirijiethom, l-irġiel minn għoxrin sena ’l fuq, tajbin għall-gwerra,

46 kien jilħaq sitt mija u tlitt elef, ħames mija u ħamsin ruħ.


Is-servizz tal-Leviti

47 Il-Leviti ma għaddewhomx magħhom skont id-djar ta’ missirijiethom,

48 għax il-Mulej kien kellem lil Mosè u qallu:

49 “Biss it-tribù ta’ Levi tagħmilx lista tiegħu u tgħoddux ma’ wlied Iżrael.

50 Ħalli fi ħsieb il-Leviti t-tabernaklu tax-xhieda miktuba, u t-tagħmir kollu tiegħu, u kulma hemm fih. Huma jġorru t-tabernaklu u t-tagħmir tiegħu kollu; iservu fit-tabernaklu u jwaqqfu t-tined tagħhom madwar it-tabernaklu.

51 Kull meta jenħtieġ iġorru t-tabernaklu, għandhom iħottuh il-Leviti; u meta jkun jenħtieġ iwaqqfu t-tabernaklu, jarmawh il-Leviti; kull profan li jersaq jagħtuh il-mewt.

52 “Ulied Iżrael iwaqqfu l-kampijiet tagħhom, kulħadd f’postu, kulħadd taħt l-istendard tiegħu, qatgħa qatgħa.

53 Iżda l-Leviti jwaqqfu t-tined tagħhom madwar it-tabernaklu tax-xhieda miktuba biex ma tiġri ebda ħsara lil ulied Iżrael, u l-Leviti jgħassu mat-tabernaklu tax-xhieda miktuba.”

54 Ulied Iżrael għamlu kulma ordna l-Mulej lil Mosè, kollox kif kien ordnalu.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies