Aanlyn Bybel

- Advertensies -

NAĦUM 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1

1 Oraklu dwar Ninwè. Ktieb id-dehra ta’ Naħum minn Elkos.


Salm. Il-korla tal-Mulej

2 Il-Mulej hu Alla għajjur u jaf jitħallas, il-Mulej jitħallas u jixgħel bil-korla, il-Mulej jitħallas mill-avversarji tiegħu isorr il-korla għall-għedewwa tiegħu.

3 Il-Mulej tqil biex jagħdab, għalkemm kbir fil-qawwa. Il-Mulej ma jaħfirhiex lill-ħati. Triqtu tinsab fir-riefnu u fit-tempesta, is-sħab hu t-trab tal-passi tiegħu.

4 Hu jċanfar l-ibħra u jinxfu, u x-xmajjar kollha jbattal. Basan jidbiel quddiemu mal-Karmel, fil-Libanu tisfar il-ħdura kollha.

5 Quddiemu taqbad rogħda lill-muntanji, l-għoljiet idubu. Quddiemu l-art titqanqal u d-dinja u kull min jgħammar fiha.

6 Quddiem qilltu min se jieqaf? Min jista’ jżomm bil-korla mkebbsa tiegħu? L-għadab tiegħu bħan-nirien jitferrex, imqar il-blat jitfarrak trab quddiemu.

7 Twajjeb, iva, il-Mulej, fortizza f’jum l-għawġ: hu jieħu ħsieb dawk li fih jistkennu.

8 Iżda b’għargħar ta’ ilma, hu jġib fix-xejn lil min iqum kontrih, u jiġri sa fid-dlam wara l-għedewwa.


Oraklu kontra Ninwè

9 X’intom taħsbu ġo moħħkom kontra l-Mulej? Se jagħmel qerda sħiħa; kull min iqum kontrih ma jqumx darbtejn.

10 U bħal meta faxx xewk jagħtuh in-nar, hekk in-nar jikolhom bħat-tiben niexef.

11 Minnek kien ħareġ dak li niseġ id-deni kontra l-Mulej, ix-xitan Beljal.

12 Hekk jgħid il-Mulej: “Għad li qawwija, u kotrana ħafna, iżd’huma jkunu maħsuda, u jgħibu. U għad li jien għakkistek, iżda ma ngħakksikx iktar.

13 Minn fuqek issa nkisser il-madmad tiegħu u nqaċċat l-irbit tiegħek.”

14 Dan hu illi l-Mulej ordna għalik: “Ma jkunx hemm aktar nisel li jġib ismek, minn dar allatek jien għad neqred kull xbieha mnaqqxa, u kull xbieha mdewba; inħaffer qabrek, għax int kollok għajb.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies