MIKEA 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 1 1 Il-kelma tal-Mulej li ġiet lil Mikea, minn Moreset, fi żmien Ġotam, Aħaż u Ħeżekija, slaten ta’ Ġuda, li kellu dehriet dwar Samarija u Ġerusalemm. Tehdid u kundanni 2 Isimgħu, popli kollha, agħti widen, art u kulma fik: Sidi l-Mulej ikun xhud kontrikom, is-Sid mit-tempju mqaddes tiegħu! 3 Għax, ara, il-Mulej ħiereġ mill-għamara tiegħu, se jinżel u jirfes fuq l-għoljiet tal-art; 4 il-muntanji jdubu taħtu, u l-widien jinħallu, bħax-xema’ quddiem in-nar, bħall-ilma mitluq għan-niżla. 5 Dan kollu minħabba d-dnub ta’ Ġakobb, u minħabba l-ħtija ta’ dar Iżrael. X’inhu d-dnub ta’ Ġakobb? Mhux Samarija? U x’inhi l-ħtija ta’ dar Ġuda? Mhux Ġerusalemm? 6 Lil Samarija nagħmilha borġ ġebel fir-raba’, għalqa fejn ixettlu d-dwieli; il-ġebel tagħha narmih fil-wied, u nikxfilha s-sisien tagħha. 7 L-istatwi tagħha kollha jitfarrku, il-qligħ tagħha kollu jinbala’ fin-nar, l-idoli tagħha kollha neqridhomlha; għax minn qligħ in-nisa żienja ġabrithom, u kiri tan-nisa żienja jerġgħu jsiru. Tilwim dwar l-ibliet fil-Lbiċ ta’ Ġuda 8 Fuq hekk nibki u nolfoq, immur imnażża’ u għeri, noqgħod nibki bħax-xakalli, u nnewwaħ bħan-ngħama. 9 Għax il-ġerħa tagħha m’hemmx fejqan għaliha, u messet ukoll lil Ġuda, laħqet sal-bieb tal-poplu tiegħi, sa lil Ġerusalemm. 10 Tgħiduhiex f’Gatt; tibku xejn; f’Bet-legħafra tmiegħku fit-trab! 11 Għaddi ’l hemm, int li tgħammar f’Safir; dawk li jgħammru f’Sanan ma ħarġux mill-belt. Bet-esel inqabdet sa mis-sisien tagħha, sa mill-post qawwi tagħha. 12 Qiegħda tnin bix-xewqa għall-ġid dik li tgħammar f’Marot; imma mingħand il-Mulej niżlet il-ħsara f’bieb Ġerusalemm. 13 Orbot iż-żiemel ġerrej fil-karru, int li tgħammar f’Lakis; int il-bidu tad-dnub għal bint Sijon, għax fik instabu d-dnubiet ta’ Iżrael. 14 Għalhekk ikollok tagħti r-rigali tat-tluq lil Moreset-gat. Bet-akżib tkun gidba għas-slaten ta’ Iżrael. 15 Għad nerġa’ nġib fuqek ’il min jirbħek, int li tgħammar f’Maresa; sa Għadullam għad tasal, il-glorja ta’ Iżrael. 16 Tfartas u tqarweż, għal ulied l-għaxqa tiegħek, il-qargħa tiegħek daqs ta’ ajkla, għax ittieħdu fl-eżilju ’l bogħod minnek! |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society