MĦALLFIN 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 1 Il-poplu ta’ Iżrael fl-Art Imwiegħda: fin-Nofsinhar ta’ Kangħan 1 Ġara li wara l-mewt ta’ Ġożwè wlied Iżrael ikkonsultaw lill-Mulej u staqsewh: “Min minna se jitla’ l-ewwel biex jitqabad mal-Kangħanin?” 2 U l-Mulej wieġeb: “Ħa jitla’ Ġuda. Araw, jiena rħejt l-art f’idejh.” 3 U Ġuda qal lil Simgħon ħuh: “Itla’ miegħi fl-art li messitni biex nitqabdu mal-Kangħanin, u mbagħad jien niġi miegħek fl-art li messitek.” U Simgħon mar miegħu. 4 U Ġuda tala’ għalihom, u l-Mulej reħa f’idejh il-Kangħanin u l-Periżżin; f’Beżek qerdu għaxart elef ruħ. 5 U ltaqgħu ma’ Adonibeżek f’Beżek, u ħabtu għalih u darbu l-Kangħanin u l-Periżżin. 6 Adonibeżek ħarab, imma għamlu għal warajh u qabduh, u qatgħulu s-swaba’ l-kbar ta’ idejh u saqajh. 7 U Adonibeżek qal: “Sebgħin sultan, bis-swaba’ l-kbar ta’ idejhom u saqajhom maqtugħa, kienu jlaqqtu l-loqom taħt il-mejda tiegħi. Bħalma għamilt jien, hekk raddli Alla!” Ħaduh Ġerusalemm u miet hemm. 8 Ulied Ġuda ħabtu għal Ġerusalemm, u rebħuha u għaddewha minn xifer ix-xabla, u l-belt tawha n-nar. 9 Imbagħad niżlu wlied Ġuda jitqabdu mal-Kangħanin li kienu jgħammru fil-muntanji, fin-Negeb u fis-Sefela. 10 U Ġuda mar jeħodha mal-Kangħanin li kienu jgħammru f’Ħebron - Ħebron qabel kien jisimha Kirjat-arba - u qatlu lil Sesaj u ’l Aħiman u lil Talmaj. 11 U minn hemm mar għan-nies ta’ Debir - Debir qabel kien jisimha Kirjat-sefer. 12 U Kaleb qal: “Min jaħbat għal Kirjat-sefer u jeħodha nagħtih lil binti Għaksa b’martu.” 13 U ħadha Għotnijel bin Kenaż, ħu Kaleb, li kien iżgħar minnu; u dan tah lil bintu Għaksa b’martu. 14 Hi u sejra ġagħlitu jitlob għalqa lil missierha; qabżet minn fuq il-ħmar u Kaleb staqsieha: “Xi ġralek?” 15 U hi wieġbet: “Agħtini xi rigal, għax art fin-Negeb kulma tajtni. Agħtini għallinqas għejun tal-ilma.” U Kaleb taha l-għejun ta’ fuq u l-għejun ta’ isfel. 16 Ulied il-Keni, ħaten Mosè, telgħu minn belt it-tamar ma’ wlied Ġuda lejn id-deżert ta’ Ġuda fin-Negeb ta’ Għarad, u għammru hemm ma’ dak il-poplu. 17 U Ġuda telaq ma’ Simgħon, ħuh, qatlu l-Kangħanin li kienu jgħammru f’Sefat u qerduha, u semmew il-belt Ħorma. 18 Ġuda ħa wkoll lil Gaża bl-inħawi tagħha, u lil Askalon bl-inħawi tagħha, u ’l Għekron bl-inħawi tagħha. 19 U l-Mulej kien ma’ Ġuda u ħadu l-muntanji, imma ma setgħux ikeċċu n-nies li kienu jgħammru fil-wita għax kellhom il-karrijiet tal-ħadid. 20 U ta Ħebron lil Kaleb bħalma kien ordna Mosè, u keċċa minn hemm it-tliet ulied ta’ Għanak. 21 Ulied Benjamin ma rnexxilhomx ikeċċu lill-Ġebusin minn Ġerusalemm, u l-Ġebusin għadhom f’Ġerusalemm flimkien ma’ wlied Benjamin sal-lum. F’nofs Kangħan 22 Id-dar ta’ Ġużeppi telgħet, u ħabtu għal Betel, u l-Mulej kien magħhom. 23 Dar Ġużeppi bagħtu jitkixxfu dwar Betel - din il-belt kien jisimha Luż. 24 L-ispjuni raw raġel ħiereġ mill-belt, u qalulu: “Urina mnejn tidħol fil-belt, u nimxu tajjeb miegħek.” 25 U wriehom id-dħul tal-belt, u għaddewha minn xifer ix-xabla, u r-raġel u ’l niesu telquhom ilkoll. 26 U dak ir-raġel mar fl-art tal-Ħittin, u bena belt u semmieha Luż; u dan għadu isimha sal-lum. 27 Manassi ma rnexxilux ikeċċi ’l barra n-nies ta’ Betsan u l-irħula tagħha, ta’ Tagħnak u l-irħula tagħha, u lanqas in-nies ta’ Dor u l-irħula tagħha, in-nies ta’ Iblegħam u l-irħula tagħha, u n-nies ta’ Megiddu u l-irħula tagħha; u l-Kangħanin riedu bilfors jibqgħu jgħammru f’din l-art. 28 Meta mbagħad Iżrael issaħħaħ, ġagħlu l-Kangħanin jaħdmulhom bilfors, iżda ma rnexxilhomx ikeċċuhom għalkollox. 29 U Efrajm ma rnexxilux jaqla’ ’l barra l-Kangħanin li kienu jgħammru f’Geżer, u l-Kangħanin baqgħu jgħammru magħhom f’Geżer. Fit-Tramuntana ta’ Kangħan 30 Żebulun ma qalax ’il barra n-nies ta’ Kitron u ’l dawk li jgħammru f’Naħalol, u l-Kangħanin baqgħu jgħammru magħhom, imma kienu mġagħla jaħdmu bilfors. 31 Aser ma rnexxilux ikeċċi ’l barra n-nies ta’ Għakku u anqas in-nies ta’ Sidon u Aħlab, u Akżib, u Ħelba, u Afik u Reħob. 32 U l-Aserin baqgħu jgħammru f’nofs il-Kangħanin, li kienu f’dik l-art, għax ma keċċewhomx. 33 Naftali ma rnexxilux ikeċċi ’l barra n-nies ta’ Betxemex u n-nies ta’ Bet-għanat, u baqa’ jgħammar f’nofs il-Kangħanin li kienu jgħammru f’dik l-art. Imma n-nies ta’ Betxemex u n-nies ta’ Bet-għanat kienu jaħdmulhom bilfors. 34 L-Amurrin għalqu lil ulied Dan fuq il-muntanji għax ma ħallewhomx jinżlu fil-wita. 35 L-Amurrin baqgħu jgħammru fuq il-muntanja Ħeres, f’Ajjalon u f’Sagħalbim; imma meta ssaħħet il-qawwa tat-tribù ta’ Ġużeppi ġagħluhom jaħdmulhom bilfors. 36 L-art tal-Amurrin kienet tibda mit-telgħa ta’ Akrabbim ’il fuq minn Sela. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society