Aanlyn Bybel

- Advertensies -

MARK 2 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 2 Ġesù jfejjaq wieħed mifluġ
( Mt 9,1-8 ; Lq 5,17-26 )

1 Meta wara xi ġranet daħal Kafarnahum, in-nies semgħet li kien id-dar.

2 U nġabru bosta, hekk li ma kienx hemm fejn joqogħdu iżjed, anqas quddiem il-bieb. U qagħad ixandrilhom il-kelma.

3 U marru ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, merfugħ minn erbgħa min-nies.

4 Billi ma setgħux jersqu sa ħdejh minħabba l-kotra, qalgħu s-saqaf ta’ fuqu, fetħu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fuqu kien mimdud il-mifluġ.

5 Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: “Ibni, dnubietek maħfura.”

6 Mela kien hemm bilqiegħda xi wħud mill-kittieba, u f’qalbhom bdew jgħidu:

7 “Dan kif qiegħed jitkellem hekk? Dan qiegħed jidgħi! Min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla biss?”

8 Malli Ġesù ntebaħ fih innifsu x’kienu qegħdin jgħidu bejnhom u bejn ruħhom qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom?

9 X’inhu l-eħfef, tgħid lill-mifluġ, ‘Dnubietek maħfura’, jew tgħidlu, ‘Qum u aqbad friexek u imxi’?

10 Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art,” qal lill-mifluġ,

11 “Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek.”

12 Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ ’il barra quddiem kulħadd. U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom.”


Is-sejħa ta’ Levi
( Mt 9,9-13 ; Lq 5,27-32 )

13 Raġa’ ħareġ lejn xatt il-baħar, u n-nies kollha resqu lejh, u hu qagħad jgħallimhom.

14 Hu u għaddej lemaħ lil Levi ta’ Alfew bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi. “Ejja warajja,” qallu. Dak qam u mar warajh.

15 U ġara li kif kien fuq il-mejda fid-dar tiegħu, bosta pubblikani u midinbin qagħdu madwar il-mejda ma’ Ġesù, u mad-dixxipli tiegħu; għax kien hemm ħafna li bdew imorru warajh.

16 Il-kittieba tal-Fariżej, kif rawh jiekol mal-midinbin u mal-pubblikani, qalu lid-dixxipli tiegħu: “Dan għaliex jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin?”

17 Ġesù semagħhom u qalilhom: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin.”


Mistoqsija fuq is-sawm
( Mt 9,14-17 ; Lq 5,33-39 )

18 Darba waħda d-dixxipli ta’ Ġwanni u l-Fariżej kienu sajmin, u ġew u qalu lil Ġesù: “Għaliex id-dixxipli ta’ Ġwanni u d-dixxipli tal-Fariżej isumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?”

19 Qalilhom Ġesù: “Huwa l-ħbieb tal-għarus se jsumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Sakemm ikollhom l-għarus magħhom mhumiex se jsumu.

20 Imma jasal il-jum meta l-għarus jitteħdilhom, u mbagħad isumu dak inhar.

21 Ħadd ma jraqqa’ mantar qadim b’biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa l-ġdida ssellet il-qadim, u t-tiċrita tikber.

22 U ħadd ma jqiegħed l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid jifqa’ d-damiġġani, u jintilef kemm l-inbid u kemm id-damiġġani. Iżda nbid ġdid jitqiegħed f’damiġġani ġodda!”


Id-dixxipli jaqtgħu s-sbul is-Sibt
( Mt 12,1-8 ; Lq 6,1-5 )

23 Ġara li darba s-Sibt kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu, huma u mexjin, bdew jaqtgħu s-sbul.

24 U l-Fariżej staqsewh: “Ara, għaliex qegħdin jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt?”

25 U hu qalilhom: “Qatt ma qrajtu x’għamel David meta kien fil-ħtieġa u ħadu l-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu,

26 kif daħal fid-dar ta’ Alla, fi żmien il-qassis il-kbir Abjatar, u kiel il-ħobż tal-preżenza ta’ quddiem il-Mulej, li ħadd ma kien jista’ jieklu ħlief il-qassisin, u ta minnu wkoll lil min kien miegħu?”

27 U qalilhom: “Is-Sibt kien magħmul għall-bniedem, u mhux il-bniedem għas-Sibt.

28 Għalhekk Bin il-bniedem tas-Sibt ukoll huwa sid.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies