Aanlyn Bybel

- Advertensies -

MALAKIJA 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1

1 Oraklu. Il-kelma tal-Mulej lil Iżrael permezz ta’ Malakija.


L-imħabba tal-Mulej għal Iżrael

2 “Ħabbejtkom,” jgħid il-Mulej. “Imma intom tgħidu: ‘Fiex ħabbejtna?’ Jaqaw Għesaw mhux ħu Ġakobb? Oraklu tal-Mulej. Madankollu jien lil Ġakobb ħabbejtu;

3 imma lil Għesaw bgħadtu, u l-muntanji tiegħu għamilthomlu xagħra, u l-art li wiret ħallejthielu għax-xakalli tad-deżert.”

4 Jekk Edom jgħid: “Aħna tfarrakna, imma dak li ġġarraf nerġgħu nibnuh,” dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti: “Huma jibnu, u jiena nħott! U jibdew isejħulhom ‘Art il-ħażen’ u ‘Il-poplu li l-Mulej hu dejjem inkurlat għalih’.

5 U mbagħad għajnejkom jaraw, u tgħidu: ‘Kbir il-Mulej, aktar lil hemm minn trufijiet Iżrael!’


Ċanfira lill-qassisin

6 “L-iben iweġġaħ lil missieru, u l-qaddej lil sidu. Jekk mela jiena missier, fejn hu t-tweġġiħ tiegħi? U jekk jiena Sid, fejn hu l-biża’ minni? Jgħid il-Mulej tal-eżerċti lilkom, qassisin li żżebilħu ismi. Imma intom tgħidu: ‘Fiex żeblaħnieh Ismek?’

7 Billi fuq l-artal tiegħi toffru ikel imniġġes. Imma intom tgħidu: ‘Biex niġġisnieh?’ Billi intom mingħalikom li l-mejda tal-Mulej jista’ wieħed imaqdarha.

8 U jekk toffru vittma għamja, dan mhu xejn ħażin? U jekk toffru vittma magħtuba jew marida, mhu xejn ħażin dan? Mur, isa, offriha lill-gvernatur tiegħek: se jieħu gost bik. Jilqgħek tajjeb?” Jgħid il-Mulej tal-eżerċti.

9 U issa morru itolbu lil Alla biex iħenn għalina. Jekk dan iseħħ min-naħa tagħkom, taħsbu intom li se jilqagħkom tajjeb? Jgħid il-Mulej tal-eżerċti.

10 “Mhux li fostkom kien hemm xi ħadd li jsakkar il-bibien ħalli ma tkebbsux nar għal xejn fuq l-artal tiegħi! M’għandix pjaċir bikom,” jgħid il-Mulej tal-eżerċti, “u minn idejkom ma nilqax offerti.

11 Għax minn tlugħ ix-xemx sa nżulha kbir hu ismi fost il-ġnus, u kullimkien isir lil Ismi sagrifiċċju bl-inċens u offerta safja, għax kbir hu Ismi fost il-ġnus,” jgħid il-Mulej tal-eżerċti.

12 “Imma intom tipprofanawh meta tgħidu li l-mejda tas-Sid hija mniġġsa u l-ikel ta’ fuqha hu ta’ min imaqdru.

13 U intom tgħidu: ‘Ara, xi dwejjaq!’, u taqbdu tonfħu,” jgħid il-Mulej tal-eżerċti. Intom iġġibu vittmi misruqa u dak li hu magħtub u dak li hu marid, u dan iġġibuh bħala offerta. U jien se nilqagħha minn idejkom?” Jgħid il-Mulej tal-eżerċti.

14 Misħut il-wiċċ b’ieħor li fil-merħla tiegħu għandu bhima raġel u jwiegħdu lil Alla, u mbagħad lis-Sid joffrilu b’sagrifiċċju dak li hu difettuż. “Għax jien Sultan kbir,” jgħid il-Mulej tal-eżerċti, “u ismi ta’ min jibża’ minnu fost il-ġnus.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies