Aanlyn Bybel

- Advertensies -

LUQA 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 Dedika lil Teofilu

1 Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna,

2 kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-kelma.

3 Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidu nett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa,

4 biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kulma tgħallimt.


It-taħbira tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista

5 Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija, mit-taqsima ta’ Abija; martu, li kien jisimha Eliżabetta, kienet minn ulied Aron.

6 It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas ta’ xejn skont il-preċetti u l-kmandamenti kollha tal-Mulej.

7 Ulied ma kellhomx, għax Eliżabetta ma setax ikollha, u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien.

8 Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru ta’ qassis quddiem Alla, għax kien imissha t-taqsima tiegħu,

9 u, skont id-drawwa tal-liturġija, intgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens.

10 Waqt ir-rit tal-inċens, il-kotra kollha tal-poplu kienet qiegħda titlob barra.

11 U deherlu anġlu tal-Mulej, wieqaf in-naħa tal-lemin tal-artal tal-inċens.

12 Żakkarija, malli rah, tħawwad u waqa’ biża’ fuqu.

13 Imma l-anġlu qallu: “Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet: martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni.

14 Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil-ferħ u thennik ħafna, u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel.

15 Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej; ma jkun jixrob ebda inbid jew xorb qawwi, u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.

16 Huwa jreġġa’ lil ħafna minn ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom,

17 u hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija, biex iraġġa’ l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom, u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti, ħalli jlesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej.”

18 Imma Żakkarija qal lill-anġlu: “Kif inkun żgur minn dan? Għax jiena raġel xiħ, u marti mdaħħla fiż-żmien!”

19 Wieġeb l-anġlu u qallu: “Jiena Gabrijel, li qiegħed quddiem Alla. Hu bagħatni nkellmek u nwassallek din il-bxara t-tajba.

20 U issa, talli int ma emmintx kliemi, li għad iseħħ meta jasal il-waqt, ara, int tibqa’ mbikkem u ma tkunx tista’ titkellem sa dak in-nhar li jiġri kulma ħabbartlek.”

21 Sadattant il-poplu kien qiegħed jistenna lil Żakkarija, u kulħadd stagħġeb bid-dewmien tiegħu fis-santwarju.

22 Meta mbagħad ħareġ, ma setax ikellimhom, u ntebħu li kellu xi dehra fis-santwarju. Beda jfehemhom bis-sinjali, u baqa’ mbikkem.

23 Wara li mbagħad għalaqlu ż-żmien tas-servizz tiegħu, raġa’ lura lejn id-dar.

24 Xi żmien wara, martu Eliżabetta nisslet fil-ġuf, u għal ħames xhur sħaħ fittxet li tinħeba min-nies, għax bdiet tgħid:

25 “Hekk għamel miegħi l-Mulej, li għoġbu jneħħili minn fuqi l-għajb li kelli quddiem in-nies!”


It-taħbira tat-twelid ta’ Ġesù Kristu

26 Imbagħad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret,

27 għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija.

28 L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.”

29 Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima.

30 Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla.

31 Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù.

32 Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru

33 u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.”

34 Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”

35 Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.

36 Ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal,

37 għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir.”

38 Imbagħad qalet Marija: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn quddiemha.


Iż-żjara ta’ Marija lil Eliżabetta

39 F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija.

40 Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta.

41 Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu;

42 u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!

43 U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?

44 Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ.

45 Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej!”


Innu ta’ tifħir lil Alla minn Marija

46 Imbagħad qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,

47 u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,

48 għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,

49 għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.

50 Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.

51 Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.

52 Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin.

53 Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.

54 Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu,

55 bħalma wiegħed lil missirijietna, b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”

56 Marija baqgħet ma’ Eliżabetta għal tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.


It-twelid ta’ Ġwanni l-Battista

57 Eliżabetta għalqilha ż-żmien biex teħles, u kellha tifel.

58 Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha.

59 Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel riedu jsemmuh Żakkarija għal missieru,

60 imma qabżet ommu u qalet: “Le, iżda Ġwanni jkun jismu.”

61 Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!”

62 Imbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih,

63 u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni.” U kulħadd baqa’ mistagħġeb.

64 Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla.

65 U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biża’, u bdew ixandru dawn il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet kollha tal-Lhudija,

66 u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?” U tassew, id il-Mulej kienet miegħu.


Il-profezija ta’ Żakkarija

67 U Żakkarija, missieru, imtela bl-Ispirtu s-Santu u beda jħabbar u jgħid:

68 “Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,

69 u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni f’dar David qaddej tiegħu,

70 bħalma wiegħed fl-imgħoddi b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,

71 biex isalvana mill-għedewwa tagħna, u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

72 B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,

73 fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna: li jagħtina l-grazzja

74 li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna, naqduh bla biża’,

75 bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha.

76 U int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-aktar Għoli, għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu

77 u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni permezz tal-maħfra ta’ dnubiethom,

78 mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa;

79 u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.”

80 It-tifel kiber u ssaħħaħ f’ruħu, u baqa’ jgħix fid-deżert sa dakinhar li ħareġ quddiem Iżrael.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies