Aanlyn Bybel

- Advertensies -

LEVITIKU 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 Is-sagrifiċċji tal-ħruq

1 U l-Mulej sejjaħ lil Mosè u kellmu mit-tinda tal-laqgħa u qallu:

2 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: ‘Meta xi ħadd minnkom ikun irid jagħmel offerta lill-Mulej, jagħmilha mill-bhejjem, mill-baqar jew min-nagħaġ tagħkom.

3 Jekk tkun vittma mill-baqar għas-sagrifiċċju tal-ħruq, l-offerta għandha tkun ta’ raġel u bla difett; u jġibha quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u hekk jogħġob lill-Mulej.

4 Imbagħad iqiegħed idu fuq ras il-vittma u tkun milqugħa għall-espjazzjoni tiegħu;

5 joqtol l-għoġol quddiem il-Mulej, u l-qassisin ulied Aron joffru d-demm, u jxerrduh madwar l-artal, li qiegħed biswit il-bieb tat-tinda tal-laqgħa.

6 Wara jqaxxar il-vittma u jqattagħha bċejjeċ,

7 u wlied Aron il-qassis iqabbdu n-nar fuq l-artal u jixħtu l-ħatab fuq in-nar.

8 Il-qassisin ulied Aron jirranġaw il-bċejjeċ, ir-ras u x-xaħam fuq il-ħatab u n-nar ta’ fuq l-artal;

9 il-ġewwieni u s-saqajn jaħsilhom bl-ilma; u wieħed mill-qassisin jaħraq kollox b’sagrifiċċju tal-ħruq b’riħa tfuħ quddiem il-Mulej.

10 “Jekk l-offerta għas-sagrifiċċju tal-ħruq tkun mill-imrieħel - xi ħaruf jew mogħża - għandu joffri raġel u bla difett.

11 U joqtlu fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-artal, quddiem il-Mulej; u l-qassisin, ulied Aron, ixerrdu d-demm madwar l-artal.

12 Imbagħad iqattgħu bċejjeċ, u l-qassis jirranġahom flimkien mar-ras u x-xaħam fuq il-ħatab u n-nar ta’ fuq l-artal.

13 Imbagħad il-ġewwieni u s-saqajn jaħsilhom bl-ilma, u l-qassis joffri u jaħraq kollox fuq l-artal. Dan hu sagrifiċċju tal-ħruq b’riħa tfuħ quddiem il-Mulej.

14 “Jekk l-offerta għas-sagrifiċċju lill-Mulej tkun mit-tjur, joffri gamiem jew ħamiem.

15 Il-qassis imbagħad iressaqha fuq l-artal, jilwilha rasha biex jaħraqha fuq l-artal, u jagħsrilha demmha mal-ġnub tal-artal;

16 u mbagħad ineħħilha l-ħawsla b’ta’ ġo fiha, u jitfa’ kollox maġenb l-artal in-naħa tal-Lvant fejn ikun hemm l-irmied,

17 jiksrilha ġwejnħajha mingħajr ma jaqlagħhomlha, u l-qassis jaħraqha fuq il-ħatab u n-nar ta’ fuq l-artal. Dan hu sagrifiċċju tal-ħruq b’riħa tfuħ quddiem il-Mulej.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies