KOLOSSIN 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 1 Tislima 1 Pawlu, appostlu ta’ Kristu Ġesù bir-rieda ta’ Alla, u Timotju, ħuna, 2 lill-qaddisin u ħutna ta’ Kolossi li jemmnu fi Kristu. Il-grazzja lilkom u s-sliem minn Alla, Missierna! Pawlu jiżżi ħajr lil Alla 3 Niżżu ħajr dejjem lil Alla, il-Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu, u nitolbu għalikom, 4 għax aħna smajna bil-fidi li għandkom fi Kristu Ġesù, u bl-imħabba tagħkom għall-qaddisin kollha, 5 minħabba fit-tama li hemm tistenniekom fis-smewwiet, li intom smajtu biha meta tħabbritilkom l-ewwel darba l-kelma tas-sewwa tal-Evanġelju. 6 Dan wasal għandkom bħalma qiegħed jagħti l-frott u jikber fid-dinja kollha, bħalma għamel s’issa fostkom, sa minn meta smajtu bil-grazzja ta’ Alla u għaraftuha fis-sewwa. 7 Dan tgħallimtuh mingħand il-maħbub Epafra, seħibna fix-xogħol tagħna u ministru fidil ta’ Kristu għalikom, 8 li għarraf lilna wkoll bl-imħabba li għandkom fl-Ispirtu. Il-persuna u l-ħidma ta’ Kristu 9 Għalhekk aħna wkoll, mindu smajna bikom, ma hedejniex nitolbu għalikom, u nibqgħu nitolbu li tagħrfu sewwa r-rieda ta’ Alla bl-għerf kollu u d-dehen spiritwali. 10 Hekk tkunu tistgħu tgħixu sewwa kif jixraq lill-Mulej u togħġbuh f’kollox bil-frott ta’ kull opra tajba, u tikbru fl-għarfien ta’ Alla, 11 titwettqu bil-qawwa kollha li tiġi mill-qawwa tal-glorja tiegħu, biex tkunu tifilħu ġġarrbu kollox bis-sabar. Ifirħu 12 u roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl. 13 Ħelisna mill-ħakma tad-dlam, u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub, 14 li bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet. 15 Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, il-kbir fost il-ħlejjaq kollha; 16 għax fih kien maħluq kollox, fis-sema u fl-art, dak kollu li jidher u dak kollu li ma jidhirx, Troni u Ħakmiet, Prinċipati u Setgħat. 17 Kollox bih u għalih kien maħluq, hu li hu qabel kollox, u kollox fih qiegħed iżomm. 18 Hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja. Hu li hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet, sabiex ikun hu l-ewwel f’kollox. 19 Hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha; 20 bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu; bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art. 21 Intom ukoll kontu ’l bogħod minn Alla u għedewwa tiegħu minħabba l-ħażen ta’ ħsibijietkom u għemilkom; 22 imma issa sirtu ħbieb tiegħu permezz tal-mewt ta’ Ibnu mogħti għall-mewt skont il-ġisem, biex dan iressaqkom quddiemu qaddisa, safja u bla għajb, 23 kemm-il darba intom iżżommu sħaħ fil-fidi; sodi bla ma titħarrku mit-tama tal-Evanġelju li intom smajtu, u li tħabbar lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet, u li tiegħu jien, Pawlu, sirt ministru. Il-ministeru ta’ Pawlu fil-Knisja 24 Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja. 25 Tagħha jiena sirt ministru, skont ma tani nagħmel Alla għalikom, jiġifieri li nxandar b’mod sħiħ il-Kelma ta’ Alla, 26 il-misteru li kien moħbi sa miż-żminijiet u l-ġenerazzjonijiet kollha, u li issa hu mgħarraf lill-qaddisin tiegħu, 27 lil dawk li Alla ried jgħarrafhom kemm huwa kbir l-għana tal-glorja ta’ dan il-misteru fost il-pagani, li hu Kristu fikom, it-tama tal-glorja tagħkom. 28 Lilu aħna nħabbru lill-bnedmin kollha, u nwissu u ngħallmu lil kulħadd bl-għerf kollu biex inwasslu lil kull bniedem għall-perfezzjoni fi Kristu. 29 Għalhekk jiena nitħabat u nissielet bis-saħħa tiegħu, li tinsab taħdem fija bil-qawwa kollha tiegħu. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society