KOĦÈLET 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 1 Kollox frugħa 1 Kliem Koħèlet bin David, sultan f’Ġerusalemm. 2 O frugħa tal-frugħat, jgħid Koħèlet. O frugħa tal-frugħat! Kollox frugħa! 3 Xi qligħ għandu l-bniedem mit-taħbit tiegħu kollu, li jġarrab taħt ix-xemx? Xejn ġdid 4 Ġenerazzjoni tmur u oħra tiġi, imma l-art tibqa’ għal dejjem. 5 Ix-xemx titla’, ix-xemx tinżel, u tgħaġġel lejn mnejn titla’. 6 Jonfoħ ir-riħ lejn in-Nofsinhar, u lejn it-Tramuntana jdur, u jerġa’ lura lejn it-tidwir tiegħu. 7 Ix-xmajjar kollha lejn il-baħar jiġru, iżda ma jimteliex il-baħar bihom; mnejn ikunu bdew il-mixja tagħhom, ’l hemmhekk ix-xmajjar jerġgħu jmorru. 8 Kollox fih it-taħbit tiegħu, u dan il-bniedem ma jasalx li jfissru; l-għajn ma tixbax tara, u ma timtela qatt bis-smigħ il-widna. 9 Dak li ġa sar hu dak li għad isir, li ġara huwa dak li għad jiġri; xejn ġdid m’hemm taħt ix-xemx. 10 Hemm xi ħaġa li fuqha tista’ tgħid: “Ara din ħaġa ġdida?” Le, din diġà kienet fiż-żminijiet qabilna. 11 La dak li sar qabilna ma niftakru, lanqas jiftakru dak li jsir warajna. Il-frugħa tal-għerf 12 Jien Koħèlet, kont Ġerusalemm, insaltan fuq Iżrael. 13 U tajt ruħi biex infittex u nistħarreġ bl-għerf dak kollu li jsir taħt is-sema. Biċċa xogħol iebsa din li Alla ta ’l ulied il-bniedem biex jedhew fiha. 14 Rajt l-għemejjel kollha li jsiru taħt ix-xemx, u ara x’sibt: kollox frugħa u ġiri wara r-riħ. 15 L-imgħawweġ ma tistax tiddrittah, u n-nieqes ma tistax issib tarfu. 16 Għedt bejni u bejn ruħi: “Ara, jien kbirt u geddist l-għerf, għaddejt lil ta’ qabli kollha f’Ġerusalemm; sirt midħla sewwa tal-għerf u x-xjenza.” 17 Xħin imbagħad inxħett nistħarreġ l-għerf u x-xjenza, il-bluha u n-nuqqas ta’ moħħ, għaraft li dan ukoll hu ġiri wara r-riħ. 18 Għax il-kotra tal-għerf iġġib ħafna tħassib, u aktar ma taf aktar għandek biex titnikket. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society