Aanlyn Bybel

- Advertensies -

ĦAGGAJ 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 It-tempju jinbena mill-ġdid

1 Fit-tieni sena tas-sultan Dariju, fis-sitt xahar, fl-ewwel tax-xahar, il-Mulej, permezz tal-profeta Ħaggaj, kellem lill Żerubbabel bin Sijaltijel, gvernatur ta’ Ġuda, u lil Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir, u qalilhom:

2 “Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċiti: ‘Dan il-poplu jgħid: It-tempju tal-Mulej għad ma wasallux iż-żmien li jinbena mill-ġdid!’ ”

3 U l-Mulej tkellem permezz tal-profeta Ħaggaj u qal:

4 “Jaqaw għalikom huwa issa l-waqt li intom tgħammru fi djarkom imsaqqfa waqt li din id-dar għadha ħerba?”

5 U issa dan jgħid il-Mulej tal-eżerċiti: “Ġibu quddiem għajnejkom minn xiex għaddejtu!

6 Bosta żrajtu, imma ftit ħżintu; kiltu, u m’hemmx li tiskru; ilbistu, u m’hemmx li tisħnu; u l-ħaddiem mikri jqiegħed ħlasu f’but imtaqqab.”

7 Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċiti: “Ġibu quddiem għajnejkom minn xiex għaddejtu!

8 Itilgħu fuq il-muntanja, ġibu l-injam u ibnu d-dar, u jien nitgħaxxaq biha u nissebbaħ fiha,” jgħid il-Mulej.

9 “Stennejtu li jkollkom ħafna, u ara, ftit kellkom; u meta ħżintuh fi djarkom, jiena nfaħt u tajjarthulkom. Għaliex? Oraklu tal-Mulej tal-eżerċiti: Għax hi dari li hi ħerba, waqt li intom kull wieħed minnkom iħaffef lejn daru.

10 Kien għalhekk li fuqkom ingħalqu s-smewwiet u ma tawx nida, u l-art ċaħditilkom il-frott.

11 U jien sejjaħt in-nixfa fuq l-art, fuq il-muntanji, fuq il-qamħ, fuq l-inbid ġdid, fuq iż-żejt, fuq dak li trodd l-art, fuq il-bnedmin u fuq il-bhejjem, fuq kulma jmissu l-idejn.”

12 Imbagħad Żerubbabel bin Sijaltijel, u Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir, u l-bqija tal-poplu kollu, semgħu s-sejħa tal-Mulej, Alla tagħhom, u l-kliem tal-profeta Ħaggaj, kif bagħtu l-Mulej, Alla tagħhom. U l-poplu beża’ mill-Mulej.

13 U Ħaggaj, il-messaġġier tal-Mulej, wassal lill-poplu l-messaġġ tal-Mulej u qalilhom: “Jiena magħkom, oraklu tal-Mulej.”

14 U l-Mulej qajjem l-ispirtu ta’ Żerubbabel bin Sijaltijel, gvernatur ta’ Ġuda, u l-ispirtu ta’ Ġożwè bin Ġeħosadak, il-qassis il-kbir, u l-ispirtu tal-bqija tal-poplu kollu, u ġew u qabdu x-xogħol fid-dar tal-Mulej tal-eżerċti, Alla tagħhom,

15 fl-erbgħa u għoxrin jum tas-sitt xahar.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies