Aanlyn Bybel

- Advertensies -

ĠWANNI 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 Il-Verb sar bniedem

1 Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla.

2 Hu kien fil-bidu ma’ Alla.

3 Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kulma sar

4 kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.

5 Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.

6 Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni.

7 Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen.

8 Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl,

9 dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja.

10 Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux.

11 Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx.

12 Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu,

13 li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.

14 U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità.

15 Ġwanni ta xhieda fuqu meta għajjat u qal: “Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, għax kien minn qabli.’ ”

16 Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja.

17 Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè imma l-grazzja u l-verità seħħew permezz ta’ Ġesù Kristu.

18 Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier.


Ix-xhieda ta’ Ġwanni l-Battista
( Mt 3,1-12 ; Mk 1,1-8 ; Lq 3,1-18 )

19 Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din: meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh, “Int min int?”,

20 hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija.”

21 Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex,” qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le,” weġibhom.

22 Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?”

23 U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: ‘Wittu t-triq tal-Mulej.’ ”

24 Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej.

25 Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?”

26 “Jiena ngħammed bl-ilma,” weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx,

27 u li ġej warajja; jiena anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu.”

28 Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.


Il-Ħaruf ta’ Alla

29 L-għada Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja.

30 Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.’

31 Anqas jien stess ma kont nafu; imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael.”

32 U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu.

33 Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli, ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu.’

34 Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, ‘Dan hu l-Iben ta’ Alla’.”


L-ewwel dixxipli

35 L-għada Ġwanni raġa’ kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu.

36 Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla.”

37 Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.

38 Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?” Iżda huma staqsewh: “Fejn toqgħod, Rabbi?” - li tfisser Mgħallem.

39 Hu weġibhom: “Ejjew u taraw.” U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dak in-nhar baqgħu miegħu. Kien ħabta tal-għaxar siegħa.

40 Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru.

41 L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” - li tfisser Kristu.

42 U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” - jew Pietru.


Ġesù jsejjaħ lil Filippu u ’l Natanjel

43 L-għada Ġesù ddeċieda li jitlaq lejn il-Galilija. Sab lil Filippu u qallu: “Ejja warajja.”

44 Filippu kien minn Betsajda, il-belt ta’ Indrì u Pietru.

45 Filippu sab lil Natanjel u qallu: “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-Liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi.”

46 Qallu Natanjel: “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” “Ejja u ara,” wieġbu Filippu.

47 Meta Ġesù ra lil Natanjel riesaq lejh qal għalih: “Ara, dan tassew wieħed minn Iżrael li jixraqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih.”

48 Natanjel staqsieh: “Kif sirt tafni?” U Ġesù wieġbu: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma sejjaħlek Filippu.”

49 “Rabbi,” qallu Natanjel, “int l-Iben ta’ Alla, inti s-sultan ta’ Iżrael!”

50 Ġesù wieġbu: “Qiegħed temmen għax għedtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? Għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn!”

51 U żied jgħidlu: “Tassew tassew ngħidilkom, għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla telgħin u niżlin fuq Bin il-bniedem.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies