Aanlyn Bybel

- Advertensies -

ĠUDA 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 Tislima

1 Ġuda, qaddej ta’ Ġesù Kristu u ħu Ġakbu, lil dawk li huma msejħin, maħbubin minn Alla l-Missier, u mħarsa għal Ġesù Kristu.

2 Jalla jitkattru fuqkom il-ħniena, is-sliem u l-imħabba.


L-għalliema ħżiena u l-ġudizzju

3 Maħbubin, ħassejt ħerqa tassew kbira biex niktbilkom dwar is-salvazzjoni tagħna lkoll, għax rajt li kien meħtieġ nibagħtilkom kelmtejn ħalli nħeġġiġkom tissieltu għal dik il-fidi li ngħatat darba għal dejjem lill-qaddisin.

4 Għax fostna ndiehsu xi wħud li sa minn żmien ilu kienu mniżżlin minn qabel għal din il-kundanna, nies ħżiena li jaqilbu l-grazzja ta’ Alla tagħna f’żina u jiċħdu lil Ġesù Kristu, is-Sid waħdieni tagħna u l-Mulej tagħna.

5 Għad li intom ġa sirtu tafu kollox darba għal dejjem, nixtieq iżda nfakkarkom li l-Mulej, wara li salva l-poplu mill-art tal-Eġittu, hekk imbagħad qered lil dawk li ma emmnux.

6 U lil dawk l-anġli li ma beżgħux għal posthom u telqu mnejn kienu jgħammru, huwa żammhom marbuta għal dejjem f’qiegħ id-dlamijiet għall-ħaqq tal-Jum il-kbir.

7 U hekk ukoll ġralhom Sodoma u Gomorra u l-bliet ta’ madwarhom li bħalhom ingħataw għaż-żina u ntelqu wara l-pjaċiri kontra n-natura; huma saru eżempju għal kulħadd billi ħadu l-kastig tan-nar ta’ dejjem.

8 Hekk ukoll dawn il-bnedmin fit-thewdin tagħhom xorta waħda qegħdin itebbgħu l-ġisem, jiċħdu l-awtorità ta’ Alla, iżebilħu l-ħlejjaq glorjużi.

9 L-arkanġlu Mikiel, meta ħadha max-Xitan u beda jħaqqaqha miegħu fuq il-ġisem ta’ Mosè, ma wasalx biex ikkundannah bi kliem ta’ żebliħ, imma qallu: “Ħa jrażżnek il-Mulej”.

10 Dawn in-nies, imma, iżebilħu saħansitra dawk il-ħwejjeġ li ma jifhmux fihom, u dak kollu li jafuh min-natura bħall-bhejjem bla dehen, jiswielhom għat-telfien.

11 Ħażin għalihom! Qabdu triq Kajin; għal daqsxejn ta’ ħlas intelqu fl-iżball ta’ Balgħam, u nqerdu bit-tixwix ta’ Koraħ.

12 Dawn in-nies huma tbajja’ għalikom fil-laqgħat tagħkom għall-ikla tal-imħabba, jixxalaw flimkien, bla mistħija, ifittxu lilhom infushom, sħab bla xita misjuqa mir-riħ; siġar bla frott fi tmiem il-ħarifa, mejta għal darbtejn, imqaċċta mill-għeruq;

13 imwieġ qliel tal-baħar jitqallbu fir-ragħwa tal-għajb tagħhom; kwiekeb ġerrejja li għalihom hemm merfugħ is-swied tad-dlamijiet ta’ dejjem.

14 Kien għal dawn ukoll li Ħenok, is-seba’ wieħed wara Adam, ħabbar u qal: “Ara, il-Mulej ġej, bl-eluf tal-anġli qaddisa tiegħu,

15 biex jagħmel ħaqq minn kulħadd u jikkundanna l-ħżiena kollha għal kull xorta ta’ ħażen li għamlu, u għall-kliem iebes kollu li qalu kontra tiegħu l-midinbin ħżiena.”

16 Dawn huma dawk li jgergru, li jisħtu xortihom, jiġru wara l-ġibdiet koroh tagħhom, fommhom mimli ftaħir, u jżiegħlu bin-nies f’wiċċhom ħalli jiksbu xi ħaġa minnhom.


Twissijiet u tħeġġiġ

17 Iżda intom, għeżież, ftakru fil-ħwejjeġ li l-appostli ta’ Sidna Ġesù Kristu kienu ħabbrulkom minn qabel.

18 Huma qalulkom li “fl-aħħar taż-żminijiet ikun hemm nies żeblieħa li jiġru wara l-ġibdiet ħżiena tagħhom”,

19 nies li jġibu l-firdiet, jgħixu ħajja ta’ din l-art, nies li m’għandhomx l-Ispirtu fihom.

20 Iżda intom, għeżież, ibnu lilkom infuskom fuq il-fidi l-aktar qaddisa tagħkom; itolbu fl-Ispirtu s-Santu;

21 żommu rwieħkom fl-imħabba ta’ Alla, stennew il-ħniena ta’ Sidna Ġesù Kristu għall-ħajja ta’ dejjem.

22 Uru ħniena ma’ dawk li għadhom fid-dubju;

23 salvawhom u aħtfuhom min-nar; l-oħrajn, ħennu għalihom, bil-biża’, waqt li tistkerrhu saħansitra l-libsa mċappsa b’ġisimhom.


Glorja lil Alla

24 Lil dak li għandu l-qawwa jħariskom mill-waqgħa, u jqegħedkom bla tebgħa u ferħana quddiem is-sebħ tiegħu,

25 lil Alla waħdu Salvatur tagħna, permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna, glorja, kobor, qawwa u setgħa qabel kull żmien, issa, u għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies