Aanlyn Bybel

- Advertensies -

ĠOŻWÈ 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 L-ordnijiet tal-Mulej

1 Wara l-mewt ta’ Mosè, il-qaddej tal-Mulej, il-Mulej qal lil Ġożwè bin Nun, il-qaddej ta’ Mosè:

2 “Mosè, il-qaddej tiegħi, miet. Issa qum u aqsam dan il-Ġordan, int u dan il-poplu kollu ta’ Iżrael, lejn l-art li jien se nagħtikom.

3 Kull fejn jirfes qiegħ riġlek, lilkom nagħtih bħalma għedt lil Mosè.

4 Mid-deżert u l-Libanu sax-xmara l-kbira, ix-xmara tal-Ewfrat, l-art kollha tal-Ħittin, sal-Baħar il-Kbir lejn inżul ix-xemx, tkun artkom.

5 “Ħadd ma jiqaflek kemm iddum ħaj. Bħalma kont ma’ Mosè hekk inkun miegħek; ma nħallikx, ma nitilqekx.

6 Agħmel il-ħila u qawwi qalbek; għax int tqassam din l-art, l-art li jien ħlift lil missirijiethom li nagħtihielhom.

7 Biss agħmel il-ħila u qawwi qalbek, u qis li tagħmel il-liġi kollha li ordnalek Mosè, il-qaddej tiegħi; la tilwix minnha, la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug, biex ikollok ir-risq f’kulma tagħmel.

8 Ma jitbiegħed qatt il-ktieb ta’ din il-liġi minn fommok, u aħseb fuqu lejl u nhar, biex tagħraf tagħmel kulma hu miktub fih, u hekk tirnexxi f’għemilek u jkollok ir-risq.

9 Mhux dan il-kmand tiegħi? Agħmel il-ħila u qawwi qalbek; tibżax u titħawwadx, għax il-Mulej, Alla tiegħek, ikun miegħek kull fejn tmur.”


L-ordnijiet ta’ Ġożwè lill-poplu

10 U Ġożwè ordna lill-kapijiet tal-poplu:

11 “Duru l-kamp u ordnaw lill-poplu u għidulhom: Ħejju l-ikel għalikom, għax tlitt ijiem oħra intom taqsmu dan il-Ġordan biex tidħlu tieħdu l-art li l-Mulej, Alla tagħkom, sejjer jagħtikom biex teħduha f’idejkom.”

12 Ġożwè mbagħad kellem lir-Rubenin, lill-Gadin, u lil nofs it-tribù ta’ Manassi u qalilhom:

13 “Ftakru f’dak li ordnalkom Mosè, il-qaddej tal-Mulej, meta qalilkom: ‘Il-Mulej, Alla tagħkom, serraħkom u takom din l-art’.

14 In-nisa tagħkom, it-tfal tagħkom, l-imrieħel tagħkom jibqgħu fl-art li takom Mosè ’l hemm mill-Ġordan u intom ilkoll, irġiel qalbiena, tħażżmu bl-armi u għaddu qabel ħutkom u agħtuhom l-għajnuna,

15 sakemm il-Mulej iserraħ lil ħutkom bħalkom u jieħdu f’idejhom l-art li tahom il-Mulej, Alla tagħkom. Imbagħad intom tkunu tistgħu terġgħu lura lejn l-art li hi tagħkom u teħduha f’idejkom, l-art li takom Mosè, il-qaddej tal-Mulej, lil hemm mill-Ġordan, in-naħa tal-Lvant.”

16 U huma wieġbu lil Ġożwè u qalulu: “Nagħmlu kulma tordnalna, u mmorru kull fejn tibgħatna.

17 Bħalma smajna f’kollox minn Mosè, hekk nisimgħu minnek. Biss ħa jkun miegħek il-Mulej, Alla tiegħek, bħalma kien ma’ Mosè.

18 Kull min jeħodha kontra kliemek u ma jismax minn kulma tgħidilna u tordnalna, jingħata l-mewt. Biss agħmel il-ħila u qawwi qalbek.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies