ĠONA 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 1 Ġona ma jilqax il-missjoni tiegħu 1 Il-kelma tal-Mulej waslet lil Ġona bin Amittaj, u qallu: 2 “Qum, mur Ninwè, il-belt il-kbira, u xandrilha li ħżunithom telgħet quddiemi.” 3 Imma Ġona qam biex jaħrab lejn Tarsis minn quddiem il-Mulej. Niżel Ġaffa, fejn inzerta ġifen sejjer lejn Tarsis, ħallas il-passaġġ, u telaq fuqu biex imur magħhom f’Tarsis, ’il bogħod mill-Mulej. It-tempesta 4 Iżda l-Mulej bagħat riefnu fuq il-baħar, u qamet taqliba kbira, hekk li l-ġifen kien għoddu nqasam. 5 Il-baħrin twerwru, u kull wieħed minnhom beda jgħajjat lill-alla tiegħu; u waddbu l-baħar il-merkanzija li kien hemm fuq il-ġifen, biex iħaffu minn fuqhom. Iżda Ġona niżel isfel nett tal-ġifen, imtedd u raqad fil-fond. 6 Imbagħad resaq fuqu l-kaptan u qallu: “Int kif int rieqed? Qum, u sejjaħ lil Alla tiegħek! Għandu mnejn Alla jiftakar fina u ma nintilfux!” 7 Imbagħad bdew jgħidu wieħed lil ieħor: “Ejjew nitfgħu x-xorti, ħa nkunu nafu ta’ min hi l-ħtija li waqa’ fuqna dan l-għawġ kollu.” Tefgħu x-xorti, u x-xorti waqgħet fuq Ġona. 8 Imbagħad qalulu: “Issa għidilna: ħtija ta’ min ġie fuqna dan il-għawġ? X’inhu xogħlok, minn fejn int ġej, liema hu pajjiżek, u minn liema poplu int?” 9 “Jien Għebrew,” qalilhom, “u nqim lill-Mulej, Alla tas-sema, li għamel il-baħar u l-art.” 10 Dawk l-irġiel beżgħu biża’ kbir, u qalulu: “Dan għax għamiltu?” Għax billi hu qalilhom kollox, saru jafu li kien ħarab minn quddiem il-Mulej. 11 Imbagħad qalulu: “X’se nagħmlu bik, biex il-baħar jikkwitalna?” Għax il-baħar baqa’ jżid. 12 “Aqbduni u ixħtuni l-baħar,” qalilhom, “u l-baħar jikkwitalkom. Għax naf li din it-tempesta kollha waqgħet fuqkom ħtija tiegħi.” 13 In-nies armaw jaqdfu biex jerġgħu jaqbdu l-art, iżda ma seħħilhomx, għax it-taqlib tal-baħar baqa’ jżid kontrihom. 14 Għalhekk sejħu l-Mulej u qalu: “Jaħasra, Mulej, nitolbuk li ma tħalliniex nintilfu ħtija tal-ħajja ta’ dan il-bniedem, u twaħħalniex ħatja ta’ demm bla ħtija, għax kont int, Mulej, li għamilt kif għoġbok.” 15 U qabdu ’l Ġona u xeħtuh il-baħar, u l-baħar raqqad il-qilla tiegħu. 16 U l-irġiel qabadhom biża’ kbira mill-Mulej, u offrew sagrifiċċji lill-Mulej u għamlu wegħdiet. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society