Aanlyn Bybel

- Advertensies -

ĠOEL 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1

1 Il-kelma tal-Mulej, li ġiet lil Ġoel bin Petwel.


Swied il-qalb għall-qerda tal-pajjiż

2 Isimgħu dan, xjuħ, agħtu widen, intom ilkoll li tgħammru fil-pajjiż! Ġrat xi ħaġa hekk fi żmienkom, jew fi żmien missirijietkom?

3 Għiduha lil uliedkom, u wliedkom lil uliedhom, u wliedhom lin-nisel ta’ warajhom.

4 Dak li ħalla l-ġrad qattiegħ, kielu l-ġrad gerriem. Dak li ħalla l-ġrad gerriem kielu l-ġrad qabbież. Dak li ħalla l-ġrad qabbież kielu l-ġrad qerried.

5 Qumu mir-rqad, ja sakranazzi, u ibku! Intom li tixorbu l-inbid, newħu lkoll għall-inbid ġdid, li twarrbilkom minn ma’ fommkom!

6 Għaliex għall-pajjiż tiegħi tela’ poplu, qawwi u bla għadd; snienu, snien ta’ ljun, u għandu d-dras ta’ ljunessa.

7 Il-qasam tad-dwieli tiegħi għamlu ħerba, is-siġar tiegħi tat-tin tertaqhom; qaxqaxhom għalkollox u rmiehom, il-friegħi tagħhom bjadu.

8 Olfoq, kif tagħmel xebba liebsa x-xkejjer, għall-għarus ta’ żgħożitha!

9 L-offerta tal-ikel u tax-xorb inqatgħet minn dar il-Mulej. Kollhom niket il-qassisin, qaddejja tal-Mulej.

10 Imħassar ir-raba’, l-art tbikkik. Għax inqered il-qamħ, l-inbid ġdid nixef, għosfor iż-żejt frisk.

11 Infixlu, ħaddiema, intom li tieħdu ħsieb id-dwieli, newħu għall-qamħ u x-xgħir, għax intilef il-ħsad tar-raba’.

12 Il-qasam tad-dwieli sfar, u s-siġar tat-tin dbielu; is-siġar tar-rummien, tal-palm u tat-tuffieħ, u s-siġar kollha tar-raba’ nixfu. Kif għeb il-ferħ minn fost il-bnedmin!


Sejħa għall-indiema u għat-talb

13 Ilbsu x-xkejjer, qassisin, u olfqu, ixhru, qaddejja tal-artal! Ejjew, orqdu bl-ixkejjer fuqkom, qaddejja ta’ Alla tiegħi! Għax miżmuma mid-dar ta’ Alla tagħkom l-offerta tal-ikel u tax-xorb.

14 Ordnaw sawma; sejħu laqgħa mqaddsa; morru iġbru x-xjuħ, u n-nies kollha tal-pajjiż fid-dar tal-Mulej Alla tagħkom. Għajtu lill-Mulej:

15 “Ah, x’jum dan! Għax fil-qrib Jum il-Mulej, jasal bħal riefnu mingħand Xaddaj.”

16 Forsi mhux quddiem għajnejna naqas l-ikel, l-hena u l-ferħ mid-dar ta’ Alla tagħna?

17 Il-qamħ miżrugħ tħassar taħt it-tub tiegħu; il-matmuriet saru ħerba waħda, l-imħażen tal-qamħ iġġarrfu, għax il-qamħ nixef.

18 X’jokorbu l-bhejjem! Il-baqar jiġġerrew mifxula, għax m’għandhomx fejn jirgħu. Sal-imrieħel tan-nagħaġ u l-mogħoż inqerdu.

19 Jien ngħajjat lilek, Mulej! Għax in-nar qered il-ħdura tar-raba’, ilsna tan-nar ħarqu s-siġar kollha tal-għelieqi.

20 Sal-bhejjem tar-raba’ mxennqin għalik, għax nixfu n-nixxigħat tal-ilma, għax in-nar qered il-ħdura tal-kampanja.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies