Aanlyn Bybel

- Advertensies -

GĦAMOS 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 Il-ħaqq tal-Mulej kontra l-ġnus

1 Kliem Għamos, li kien mir-rgħajja ta’ Tekugħa. Dak li ra dwar Iżrael fi żmien Għużżija, sultan ta’ Ġuda, u fi żmien Ġerobogħam bin Ġowas, sultan ta’ Iżrael, sentejn qabel it-terremot.

2 Hu qal: “Il-Mulej iriegħed minn Sijon, u jsamma’ leħnu minn Ġerusalemm; dbielet il-ħdura tal-mergħat tar-rgħajja u nixfet il-quċċata tal-Karmel.”


Damasku

3 Dan jgħid il-Mulej: “Għal tliet dnubiet ta’ Damasku, erbgħa anzi,’ ma rreġġax lura kelmti, għax dirsu lil Gilgħad bi xtabi tal-ħadid.

4 Nibgħat in-nar fid-dar ta’ Ħażajel u jeqred il-palazzi ta’ Benħadad;

5 inkisser l-istaneg ta’ Damasku, u neqred lil dawk li jgħammru f’wied Awen u ’l dak li jżomm ix-xettru f’Bet-għeden; u l-poplu tas-Sirja jittieħed f’Kir,” jgħid il-Mulej.


Gaża

6 Dan jgħid il-Mulej: “Għal tliet dnubiet ta’ Gaża, erbgħa anzi, ma rreġġax lura kelmti, għaliex kaxkru fl-eżilju poplu sħiħ biex jagħtuh f’idejn Edom;

7 nibgħat in-nar fuq is-swar ta’ Gaża, u jeqred il-palazzi kollha tagħha;

8 neqred lil dawk li jgħammru f’Asdod, u ’l dak li jżomm ix-xettru f’Askalon; u ndawwar idejja għal fuq Għekron, u jintemmu l-fdal tal-Filistin,” jgħid il-Mulej Alla.


Tir

9 Dan jgħid il-Mulej: “Għal tliet dnubiet ta’ Tir, erbgħa anzi, ma rreġġax lura kelmti, għaliex kaxkru fl-eżilju poplu sħiħ biex jagħtuh f’idejn Edom, u ma ftakrux fil-patt tal-aħwa;

10 nibgħat in-nar fuq is-swar ta’ Tir, u jeqred il-palazzi tagħha.”


Edom

11 Dan jgħid il-Mulej: “Għal tliet dnubiet ta’ Edom, erbgħa anzi, ma rreġġax lura kelmti, għaliex għamel għal ħuh bis-sejf, u warrab kull ħniena, u żamm għadbu għal dejjem, u l-qilla tiegħu żammha sal-aħħar;

12 għalhekk nibgħat in-nar f’Teman u jeqred il-palazzi ta’ Bosra.”


Għammon

13 Dan jgħid il-Mulej: “Għal tliet dnubiet ta’ wlied Għammon, erbgħa anzi, ma rreġġax lura kelmti, għaliex ċarrtu ħdan in-nisa tqal ta’ Gilgħad, biex iwessgħu trufijiet arthom;

14 inqabbad in-nar fuq is-swar ta’ Rabba, u neqred il-palazzi tagħha, b’għajjat f’jum it-taqbida, u b’tempesta f’jum ir-riefnu;

15 u s-sultan tagħhom imur fl-eżilju, hu u l-prinċpijiet tiegħu miegħu,” jgħid il-Mulej.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies