Aanlyn Bybel

- Advertensies -

GĦABDIJA 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 Il-qerda ta’ Edom

1 Il-viżjoni ta’ Għabdija. Hekk jgħid Sidi l-Mulej dwar Edom: Smajna b’aħbar li ġiet mingħand il-Mulej, u fost il-popli messaġġier intbagħat: “Qumu! Ejjew inqumu kontrih! Għall-gwerra!”

2 Ara, jien nagħmlek ċkejken fost il-ġnus, għad tkun imżeblaħ ħafna!

3 Il-qalb imkabbra tiegħek qarrqet bik, inti li tgħammar fl-għerien tal-blat, li għandek l-għamara tiegħek fl-għoli, inti li f’qalbek tgħid: “Min se jniżżilni fl-art?”

4 Imqar jekk tibqa’ togħla ’l fuq daqs ajkla, u fost il-kwiekeb tpoġġi l-bejta tiegħek, minn hemm ukoll inġarrfek, oraklu tal-Mulej.

5 Jekk jiġu l-ħallelin u jidħlu fuqek, jew jersqu lejk billejl xi nies ħalliela, ma kinux forsi lilek jisirqulek dak biss illi għalihom hu biżżejjed? Jekk jiġu għandek dawk li jaqtgħu l-għeneb, mhumiex se jħallu xi tilqit warajhom? Kif ġejt fix-xejn!

6 Kemm qallbuh sewwa ta’ taħt fuq ’l Għesaw, fittxewlu b’reqqa l-ġid li kellu moħbi!

7 Qalgħuk ’il barra nett, sa tarf pajjiżek, kull min għamel patt miegħek daħak bik, ħbiebek għelbuk, u min kien jiekol miegħek il-ħobż tiegħek nasablek xibka taħtek. M’hemmx għaqal fih!

8 U jiena, dakinhar, oraklu tal-Mulej, ma neqridhomx l-għorrief minn ġo Edom; u l-għaqal mill-muntanja ta’ Għesaw?

9 Imbagħad il-qalbenin tiegħek, Teman, jitwerwru lkoll bil-biża’, għaliex kulħadd jintemm mill-muntanja ta’ Għesaw. Talli biċċirt

10 u ħqart lil ħuk Ġakobb, għad tkun miksi bl-għajb, għal dejjem għad tintemm.

11 Għax dakinhar inti kont bqajt biered, xħin ġidu ġarrewhulu l-barranin, u nies stranġieri bdew deħlin minn bwiebu u tellgħu x-xorti għal Ġerusalemm; kont qisek inti nnifsek wieħed minnhom.

12 Imma tifraħx bil-Jum li ġie fuq ħuk, Jum l-hemm tiegħu; u xejn la turi hena b’ulied Ġuda f’Jum il-qerda tagħhom; lanqas m’għandek tiftaħar f’Jum id-dwejjaq.

13 U la tgħaddix minn bieb il-poplu tiegħi f’Jum l-għawġ tagħhom; xejn tifraħ int ukoll bi ħsaratu f’Jum l-għawġ tiegħu; tmiddx idek fuq ġidu f’Jum l-għawġ tiegħu;

14 tiqafx f’salib it-toroq ħa teqred il-maħrub minnu; la terħihomx f’idejn l-għedewwa tagħhom lil dawk li jibqgħu fih f’Jum id-dwejjaq.

15 Għax qrib Jum il-Mulej għall-popli kollha! Kif għamilt inti, hekk għad jagħmlu lilek, fuq rasek stess għad jaqa’ għemilek.

16 Għaliex kif mill-muntanja mqaddsa tiegħi mortu tixorbu intom, hekk għad jixorbu dejjem il-ġnus kollha: jixorbu u jlegilgu, imbagħad ikunu qishom qatt ma kienu.

17 Iżda fuq il-muntanja ta’ Sijon jibqgħu xi meħlusin, u hi tkun post qaddis; u dar Ġakobb tfaqqar lil min faqqarha!

18 U dar Ġakobb tkun nar, u dar Ġużeppi tkun xrara, u dar Għesaw tkun tiben, u jaħarquhom, iva, jibilgħuhom, ebda meħlus ma jibqa’ f’dar Għesaw: għax tkellem il-Mulej!

19 In-nies tan-Negeb jieħdu f’idejhom il-muntanja ta’ Għesaw; u dawk ta’ Sefela, pajjiż il-Filistin; il-wita ta’ Efrajm taqa’ f’idejhom, u jieħdu dik ta’ Samarija wkoll; u Benjamin jieħu Gilgħad għalih.

20 L-eżiljati ta’ Ħalah, dawn ulied Iżrael, jieħdu Kangħan għalihom, sa Sarefta; l-itturufnati ta’ Ġerusalemm, li qegħdin f’Sefarad, jieħdu l-ibliet tan-Negeb.

21 U, meħlusin mill-eżilju, fuq il-muntanja ta’ Sijon jitilgħu biex mill-muntanja ta’ Għesaw jagħmlu l-ħaqq. U tkun imbagħad is-saltna tal-Mulej.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies