Aanlyn Bybel

- Advertensies -

ĠENESI 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 Il-ħolqien tas-sema u l-art

1 Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art:

2 u kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta’ Alla.

3 U qal Alla: “Ħa jkun id-dawl.” U d-dawl sar.

4 U ra Alla d-dawl li kien tajjeb. U Alla fired id-dawl mid-dlam.

5 U d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ - L-ewwel jum.

6 U qal Alla: “Ħa jkun hemm medda f’nofs l-ilmijiet u tifred ilma minn ilma.”

7 U Alla għamel il-medda u fired l-ilma ta’ taħt il-medda mill-ilma ta’ fuq il-medda. U hekk sar.

8 U l-medda Alla semmieha sema. U dalam u sebaħ - It-tieni jum.

9 U qal Alla: “Ħa jinġemgħu naħa waħda l-ilmijiet ta’ taħt is-sema u jidher l-inxif.” U hekk sar.

10 U sejjaħ Alla l-inxif art; u l-ġemgħa tal-ilma sejħilha baħar. U Alla ra li kollox kien tajjeb.

11 U qal Alla: “Ħa tnibbet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa, siġar li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa ġo fih skont għamliethom, fuq l-art.” U hekk sar.

12 U nibbtet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa skont għamlietu u siġar jagħmlu l-frott biż-żerriegħa skont għamlietu; u ra Alla li kien tajjeb.

13 U dalam u sebaħ - It-tielet jum.

14 U qal Alla: “Ħa jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex jifirdu l-jum mil-lejl, u jkunu sinjali għat-tqassim taż-żminijiet, tal-jiem u tas-snin.

15 U jkun hemm, imnariet fil-firxa tas-sema biex idawlu l-art.” U hekk sar.

16 U għamel Alla ż-żewġ imnariet il-kbar; l-imnara l-kbira biex trieġi l-jum, u l-imnara ż-żgħira biex trieġi l-lejl, u l-kwiekeb.

17 U Alla qegħedhom fil-firxa tas-sema biex jiddu fuq l-art,

18 u jrieġu l-jum u l-lejl u jifirdu d-dawl mid-dlam. U Alla ra li kien tajjeb.

19 U dalam u sebaħ - Ir-raba’ jum.

20 U qal Alla: “Jiżgħed l-ilma b’kotra ta’ ħlejjaq ħajjin u jittajru t-tjur fuq l-art fil-wesgħa tas-smewwiet.”

21 U Alla ħalaq il-ħut il-kbir u l-annimali kollha li jitkaxkru, li bihom miżgħud l-ilma, skont ġenshom, u t-tajr bil-ġwienaħ skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb.

22 U berikhom Alla u qalilhom: “Welldu u oktru, u imlew l-ilma tal-ibħra; u joktor it-tajr fuq l-art.”

23 U dalam u sebaħ - Il-ħames jum.

24 U qal Alla: “Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajja skont ġenshom: bhejjem tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi, skont ġenshom.” U hekk sar.

25 U għamel Alla l-bhejjem selvaġġi skont ġenshom, u l-bhejjem tad-dar skont ġenshom, u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb.

26 U qal Alla: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq ix-xbieha u s-sura tagħna, u jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art.”

27 U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbiehetu fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom.

28 U berikhom Alla u qalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.”

29 U qal Alla: “Araw, jien tajtkom il-ħaxix kollu, li jagħmel iż-żerriegħa fuq wiċċ l-art, u s-siġar kollha li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa: dawn kollha jkunu għall-għajxien tagħkom.

30 U lill-bhejjem kollha selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fl-art li fihom nifs il-ħajja, nagħtihom il-ħaxix kollu aħdar għall-għajxien tagħhom.” U hekk sar.

31 U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna. U dalam u sebaħ - Is-sitt jum.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies