GALATIN 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 1 Tislima 1 Pawlu, appostlu, mhux mill-bnedmin jew permezz tal-bniedem, iżda permezz ta’ Ġesù Kristu u ta’ Alla l-Missier li qajmu mill-imwiet, 2 u l-aħwa kollha li hawn miegħi, lill-knejjes tal-Galazja, 3 grazzja u sliem lilkom mingħand Alla Missierna u mingħand Sidna Ġesù Kristu, 4 li ta lilu nnifsu għal dnubietna, biex jeħlisna minn din id-dinja ħażina tal-lum, skont ir-rieda ta’ Alla u Missierna; 5 lilu l-glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Ma hemmx Evanġelju ieħor 6 Jiena nistagħġeb bikom kif daqshekk malajr tbegħedtu minn min sejħilkom fil-grazzja ta’ Kristu u dortu lejn Evanġelju ieħor; 7 mhux għax hemm xi Evanġelju ieħor, imma hemm xi wħud li qegħdin iħawdukom u jridu jaqilbu l-Evanġelju ta’ Kristu. 8 Imma mqar jekk aħna stess jew anġlu mis-sema jħabbrilkom Evanġelju ieħor li mhuwiex dak li ħabbarnielkom aħna, ikun misħut! 9 Bħalma ġa għednielkom, u ntenni ngħidilkom issa; jekk xi ħadd iħabbrilkom ħaġa oħra għajr dak li ġa rċevejtu, ikun misħut! 10 Forsi jien qed infittex li jkunu jġibuni l-bnedmin, jew qed infittex li jkun iġibni Alla? Qiegħed jiena nfittex li nogħġob lill-bnedmin? Li kont għadni nfittex li nogħġob lill-bnedmin, ma kontx inkun qaddej ta’ Kristu. L-Evanġelju ta’ Pawlu 11 Dan ngħarrafkom, l-aħwa: l-Evanġelju li ħabbartilkom jien mhuwiex Evanġelju tal-bnedmin. 12 Għaliex jiena mhux mingħand bniedem irċevejtu jew tgħallimtu, imma kien irrivelat lili minn Ġesù Kristu. 13 Intom smajtu bl-imġiba tiegħi meta kont għadni fir-reliġjon Lhudija, kif kont nippersegwita bis-sħiħ il-Knisja ta’ Alla u nfittex li nħarbatha; 14 u kemm kont ’il quddiem fir-reliġjon Lhudija fost il-poplu tiegħi aktar minn sħabi kollha ta’ mpari, imġennen kif kont għat-tradizzjonijiet ta’ missirijieti. 15 Imma meta Dak li għażilni sa minn ġuf ommi, u li sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu, 16 għoġbu jirrivelali lil Ibnu biex inħabbru fost il-ġnus, minnufih, bla ma qgħadt infittex li nieħu parir mingħand bnedmin tad-demm u l-laħam, 17 bla ma tlajt Ġerusalemm għand dawk li kienu appostli qabli, jiena mort fl-Għarabja, u mbagħad erġajt lura lejn Damasku. 18 Imbagħad, tliet snin wara, tlajt Ġerusalemm inżur lil Kefa, u bqajt miegħu ħmistax-il ġurnata; 19 mill-appostli l-oħra ma rajt lil ħadd; iżda rajt lil Ġakbu, ħu l-Mulej. 20 (F’dan li qiegħed niktbilkom, nixhed quddiem Alla, m’iniex nigdeb). 21 Imbagħad mort fl-inħawi tas-Sirja u taċ-Ċiliċja. 22 Il-knejjes ta’ Kristu fil-Lhudija kienu għadhom qatt ma raw wiċċi; 23 kienu semgħu biss in-nies jgħidu li: “dak li darba kien jippersegwitana, issa qiegħed ixandar il-fidi li darba hu ried jeqred”; 24 u huma faħħru lil Alla minħabba fija. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society