FILIPPIN 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 1 Tislima 1 Pawlu u Timotju, qaddejja ta’ Kristu Ġesù, lill-qaddisin kollha fi Kristu Ġesù, flimkien mal-isqfijiet tagħhom u d-djakni li jinsabu fil-belt ta’ Filippi. 2 Il-grazzja lilkom u s-sliem mingħand Alla Missierna u mingħand il-Mulej Ġesù Kristu! Pawlu jitlob għalihom 3 Niżżi ħajr lil Alla tiegħi kull meta niftakar fikom, 4 u nitlob dejjem ferħan fit-talb tiegħi għalikom, 5 minħabba s-sehem li intom ħadtu fix-xandir tal-Evanġelju, mill-ewwel jiem sal-lum. 6 Jiena żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta’ Kristu Ġesù. 7 Ħaġa sewwa li jiena naħseb hekk fikom ilkoll, għaliex jiena nġibkom f’qalbi, lilkom ilkoll, li qsamtu miegħi l-grazzja li għandi, kemm issa li jien marbut bil-ktajjen, u kemm meta kont niddefendi u nwettaq l-Evanġelju. 8 Iva, jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesù! 9 U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b’kull dehen, 10 biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta’ Kristu, 11 mimlijin bil-frott tal-ġustizzja li ġejja permezz ta’ Ġesù Kristu, għall-glorja u l-foħrija ta’ Alla. 12 Irridkom tkunu tafu, l-aħwa, li kulma ġara lili safa aktar ta’ ġid biex ġieb ’il quddiem l-Evanġelju; 13 għaliex b’hekk, kull min jinsab fil-Pretorju u l-oħrajn kollha lkoll saru jafu li jiena marbut fil-ħabs għal Kristu, 14 u l-biċċa l-kbira tal-aħwa għamlu l-qalb fil-Mulej minħabba fil-ktajjen tiegħi, u bdew ixandru l-kelma bil-kuraġġ u bla biża’ ta’ xejn. 15 Tassew li dan xi wħud jagħmluh imqanqla mill-għira u l-pika, imma l-oħrajn lil Kristu jxandruh minn qalbhom. 16 Dawn tal-aħħar jaħdmu bl-imħabba, għax jafu li jiena magħżul biex niddefendi l-Evanġelju; 17 l-oħrajn, imma, lil Kristu jxandruh imqanqlin mill-għira, b’fehma mdennsa, u jistħajlu li b’hekk se jtaqqluli l-ktajjen. 18 X’jimporta? Hekk jew hekk, sew jekk b’fehma safja u sew jekk le, basta jixxandar Kristu; u b’dan jien nifraħ, iva, u nibqa’ nifraħ. 19 Għax naf li dan bit-talb tagħkom u bl-għajnuna tal-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu, għad jisfali għas-salvazzjoni tiegħi. 20 Jien għadni nittama u nistenna bil-ħerqa li ma jkolli xejn mniex nistħi; anzi għandi l-fiduċja li, kif dejjem hekk s’issa, Kristu jkun imsebbaħ fil-ġisem tiegħi, sew jekk ngħix u sew jekk immut. 21 Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt hi rebħ. 22 Jekk għandi nibqa’ ħaj fil-ġisem, dan ifisser li għandi nagħti l-frott tax-xogħol tiegħi. X’naqbad nagħmel ma nafx; 23 ninsab bejn ħaltejn. Min-naħa l-waħda, nixtieq nintemm u nkun ma’ Kristu, li jkun ħafna aħjar għalija; 24 min-naħa l-oħra, jekk nibqa’ ngħix fil-ġisem, ikun ħafna aħjar għalikom. 25 Minn dan jiena żgur; għalhekk naf li se nibqa’ hawn, u nkun magħkom għall-ġid u l-hena tagħkom fil-fidi. 26 Mela, meta nerġa’ niġi għandkom, ikollkom aktar biex tiftaħru bija fi Kristu Ġesù. 27 Ħaġa waħda ngħidilkom: ġibu ruħkom kif jixraq lill-Evanġelju ta’ Kristu, ħalli sew jekk niġi narakom, sew jekk inkun ’il bogħod, nisma’ fuqkom li intom tinsabu qawwija fi spirtu wieħed, u tissieltu b'fehma waħda għall-fidi tal-Evanġelju, 28 bla xejn ma tibżgħu minn dawk li jeħduha magħkom. Dan ikun għalihom prova tat-telfien tagħhom, imma għalikom prova tas-salvazzjoni; u dan kollu ġej minn Alla, 29 għaliex lilkom ngħatat il-grazzja li sservu lil Kristu, mhux biss temmnu fih, imma saħansitra tbatu għalih, 30 u tkunu fl-istess taqbida li intom rajtu fija, u li issa smajtu li għadni fiha. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society