FILEMON 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 1 Tislima 1 Pawlu, priġunier ta’ Kristu Ġesù u ħija Timotju lil Filemon seħibna l-għażiż fix-xogħol, 2 u lil oħtna Appja u lil Arkippu, suldat magħna, u lill-knisja li tinġabar f’darek: 3 Grazzja u sliem għalikom mingħand Alla Missierna u Ġesù Kristu. Imħabba u fidi 4 Niżżi ħajr dejjem lil Alla tiegħi u niftakar fik fit-talb tiegħi. 5 Jiena smajt bil-fidi li għandek fil-Mulej Ġesù u l-imħabba tiegħek għall-qaddisin. 6 Nitlob li l-fidi li inti taqsam mal-oħrajn ikollha l-qawwa li twassal biex jingħaraf it-tajjeb kollu li hemm fina minħabba fi Kristu. 7 Jiena fraħt ħafna u qawwejt qalbi bl-imħabba li għandek; għaliex, ħija, il-qlub tal-qaddisin strieħu fik. Pawlu jaqbeż għal Oneżimu 8 Għalhekk iktar milli nikkmandak tagħmel li jenħtieġ - kif nista’ nagħmel b’wiċċi minn quddiem fi Kristu - 9 jiena nitolbok, f’isem l-imħabba; jiena, Pawlu, raġel xwejjaħ, u issa priġunier ta’ Kristu Ġesù, 10 qiegħed nitolbok bil-ħerqa għal ibni, li jiena nissilt fil-ktajjen, għal Oneżimu, 11 dak li darba lilek ma kien jiswielek għal xejn, imma li issa jiswielna, kemm lili u kemm lilek. 12 Jiena bgħatthulek lura, lilu, bħallikieku bgħattlek qalbi stess. 13 Xtaqt kieku żammejtu miegħi, biex, kif jien fil-ħabs għall-Evanġelju, idur bija minflokok hu. 14 Iżda ma ridt nagħmel xejn mingħajr ma nara x’jidhirlek int, biex l-opra tajba tiegħek ma tkunx għamiltha bilfors, imma tkun ħierġa mill-qalb. 15 Għandu mnejn li għalhekk hu telaq minn miegħek għal ftit, biex inti terġa’ tiksbu lura għal dejjem, 16 mhux iktar bħala lsir, imma xi ħaġa iktar minn ilsir, bħala ħuk għażiż; għażiż fuq kollox għalija, imma kemm iktar għalik, skont id-dinja u skont il-Mulej. 17 Int mela, jekk inti qalb waħda miegħi, ilqgħu bħallikieku kont jien! 18 Jekk naqsek f’xi ħaġa jew jekk għandu jagħtik, ixħet kollox fuqi. 19 B’idi stess qiegħed nikteb: “Jiena, Pawlu, inħallsek” - biex ma ngħidlekx li inti stess taf lilek innifsek lili. 20 Iva, ħija, nitolbok, agħmilli dan il-pjaċir minħabba fil-Mulej. Serraħli qalbi fi Kristu. 21 Ktibtlek għax jiena żgur li int tisma’ minni, anzi jiena naf li se tagħmel aktar minn hekk. 22 Fl-istess ħin ħejjili kamra, għaliex nittama li bis-saħħa tat-talb tagħkom nerġa’ ningħata lilkom. L-aħħar tislijiet 23 Iselli għalikom Epafra priġunier miegħi għal Kristu Ġesù; 24 Marku, Aristarku, Dema, Luqa, sħabi fix-xogħol. 25 Il-grazzja tal-Mulej Ġesù Kristu tkun magħkom. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society