EŻODU 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 1 Ulied Iżrael fl-Eġittu 1 Dawn huma l-ismijiet ta’ wlied Iżrael li ġew l-Eġittu ma’ Ġakobb, kull wieħed bil-familja tiegħu: 2 Ruben, Simgħon, Levi u Ġuda; 3 Issakar, Żebulun u Benjamin; 4 Dan u Naftali, Gad u Aser. 5 Dawk kollha li tnisslu minn Ġakobb kienu sebgħin ruħ. 6 Ġużeppi kien diġà l-Eġittu. Ġużeppi u ħutu kollha u dik il-ġenerazzjoni kollha mietu. 7 Imma wlied Iżrael nisslu, żdiedu u kotru, u saru qawwija ħafna u l-art imtliet bihom. 8 U laħaq sultan ġdid fl-Eġittu, li ma kienx jaf lil Ġużeppi, 9 u qal lill-poplu tiegħu: “Araw, il-poplu ta’ wlied Iżrael kiber ħafna u sar aqwa minna. 10 Ejjew nimxu bil-għaqal miegħu, li ma jikbirx aktar u tqum xi gwerra, jingħaqad mal-għedewwa tagħna, jaħbat għalina, u jitlaq ’il barra mill-pajjiż.” 11 U għamlu mgħallmin tax-xogħol fuqhom, biex jgħakksuhom b’xogħol iebes. U hekk lill-Fargħun bnewlu l-ibliet tal-imħażen: Pitom u Ragħmses. 12 Imma aktar ma kienu jgħakksuhom, aktar kienu joktru u jixterdu; u l-Eġizzjani bdew jitbeżżgħu minn ulied Iżrael; 13 u ġiegħlu lil ulied Iżrael jaħdmu iebes. 14 Imlewlhom ħajjithom bl-imrar u bix-xogħol iebes fit-tafal u l-madum, u bix-xogħol fir-raba’; f’kull xogħol li kienu jqabbduhom, kienu jħaddmuhom bl-aħrax. L-ordni tal-Fargħun lill-qwiebel 15 Is-sultan tal-Eġittu sejjaħ lill-qwiebel Għebrej, waħda jisimha Sifra u l-oħra Pugħa, u qalilhom: 16 “Meta twelldu lin-nisa Għebrej, ħarsu u araw xi tkun it-tarbija; jekk ikun tifel oqtluh, jekk tkun tifla ħalluha tgħix.” 17 Il-qwiebel beżgħu minn Alla, u ma għamlux kif qalilhom is-sultan tal-Eġittu, imma ħallew is-subien ħajjin. 18 Għalhekk is-sultan tal-Eġittu sejjaħ lill-qwiebel u staqsiehom: “Għala għamiltu hekk, u ħallejtu lis-subien ħajjin?” 19 U l-qwiebel wieġbu lill-Fargħun: “In-nisa Għebrej mhumiex bħan-nisa Eġizzjani; billi huma b’saħħithom ikunu ħelsu qabel ma tasal għandhom il-qabla.” 20 Għalhekk Alla għamel il-ġid mal-qwiebel. U l-poplu baqa’ joktor u jissaħħaħ ħafna. 21 U Alla ta familji lill-qwiebel talli beżgħu minnu. 22 Il-Fargħun imbagħad ordna lin-nies kollha tiegħu, u qalilhom: “Ixħtu fix-xmara s-subien li jitwieldu u ħallu l-bniet kollha jgħixu.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society