ESDRA 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 1 L-eżiljati jerġgħu lura 1 Fl-ewwel sena ta’ Ċiru, sultan tal-Persja, biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej minn fomm Ġeremija, il-Mulej qanqal lil Ċiru, sultan tal-Persja, biex joħroġ proklama fis-saltna tiegħu kollha, saħansitra bil-miktub, li tgħid: 2 “Hekk jgħid Ċiru s-sultan tal-Persja: ‘Il-Mulej, Alla tas-smewwiet, tani s-saltniet kollha tal-art, u qabbadni nibnilu tempju f’Ġerusalemm, belt ta’ Ġuda. 3 Kull min hemm fostkom mill-poplu kollu tiegħu, ħa jkun miegħu Alla tiegħu! Ħa jitla’ Ġerusalemm, belt ta’ Ġuda, u jibni t-tempju tal-Mulej, Alla ta’ Iżrael. Hu Alla li qiegħed Ġerusalemm. 4 U kull min fadal mill-poplu tiegħu, qiegħed fejn qiegħed, ħa jgħinuh in-nies tal-post b’fidda, deheb, ġid, bhejjem, u offerti oħra minn rajhom lit-tempju ta’ Alla, li hemm f’Ġerusalemm.” 5 Il-kapijiet ta’ djar missirijiethom ta’ Ġuda u ta’ Benjamin, il-qassisin u l-Leviti, u dawk kollha li Alla qanqalhom, qamu għalhekk biex jitilgħu Ġerusalemm ħa jibnu t-tempju tal-Mulej hemmhekk. 6 Barra kull xorta ta’ offerti li għamlu minn rajhom, dawk kollha li kienu joqogħdu madwarhom tawhom ukoll kull xorta ta’ offerti ta’ fidda u deheb, ġid u bhejjem, u offerti ta’ valur kbir. 7 U s-sultan Ċiru ħareġ l-oġġetti tat-tempju tal-Mulej li Nabukodonosor kien ġieb minn Ġerusalemm biex qegħedhom fit-tempju tal-allat tiegħu. 8 Ħariġhom Ċiru, sultan tal-Persja, permezz ta’ Mitredat, it-teżorier, u dan għaddhom quddiem Sesbassar, il-prinċep ta’ Ġuda. 9 Din hi l-lista tagħhom: tletin bieqja tad-deheb, elf bieqja tal-fidda, disgħa u għoxrin ċensier, 10 tletin reċipjent tad-deheb, erba’ mija u għaxar reċipjenti tal-fidda ta’ xorta oħra, elf reċipjent ieħor. 11 Ir-reċipjenti tad-deheb u tal-fidda kienu ħamest elef u erba’ mija. Sesbassar ħa miegħu dan kollu meta talla’ lill-eżiljati minn Babilonja lejn Ġerusalemm. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society