Aanlyn Bybel

- Advertensies -

EFESIN 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 Tislima

1 Pawlu, appostlu ta’ Kristu Ġesù skont ir-rieda ta’ Alla, lill-qaddisin u lil dawk li jemmnu fi Kristu Ġesù:

2 grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u mingħand Ġesù Kristu, il-Mulej.


Il-grazzja spiritwali ta’ Kristu

3 Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li berikna b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet fi Kristu.

4 Hekk hu għażilna fih, sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba

5 Iddestinana minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ġesù Kristu; hekk għoġob lir-rieda tajba tiegħu,

6 għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha mliena fil-Maħbub tiegħu.

7 Fih aħna għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, il-maħfra tad-dnubiet, skont l-għana tal-grazzja tiegħu.

8 Biha fawwarna fl-għerf u l-għaqal kollu.

9 Hu għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel,

10 u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet; jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, kulma hu fis-sema u kulma hu fl-art.

11 Fih aħna wkoll konna magħżula, iddestinati minn qabel, skont il-pjan imfassal minn qabel minn min imexxi kollox skont il-fehma tar-rieda tiegħu,

12 sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu, aħna, li, sa minn qabel, konna nittamaw fi Kristu.

13 U fih intom ukoll smajtu l-Kelma tal-Verità, l-Evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom, u emmintu fiha. Kontu ssiġillati bl-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed;

14 li hu r-rahan tal-wirt tagħna sakemm għadna nistennew il-fidwa sħiħa tal-Poplu li Alla kiseb għalih, għat-tifħir tal-glorja tiegħu.


It-talba ta’ Pawlu

15 Għalhekk jien ukoll, li smajt bil-fidi tagħkom fil-Mulej Ġesù u bl-imħabba tagħkom lejn il-qaddisin kollha,

16 ma nixba’ qatt niżżi ħajr minħabba fikom meta niftakar fikom fit-talb tiegħi.

17 Ħalli Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf li jirrivelahielkom biex tagħrfuha sewwa;

18 u jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom; x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu mal-qaddisin.

19 Tagħrfu x’inhu l-kobor bla qjies tas-setgħa tiegħu fina li emminna, skont il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu,

20 li ħaddem fi Kristu, meta qajmu mill-imwiet u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet,

21 ’il fuq minn kull Saltna u Setgħa, minn kull Qawwa u Ħakma, ’il fuq minn kull isem li jissemma, mhux biss għaż-żmien ta’ issa, imma wkoll għal li ġej.

22 Iva, qiegħed kollox taħt riġlejh, u għamlu Ras fuq il-Knisja kollha,

23 li hi Ġismu, il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies