Aanlyn Bybel

- Advertensies -

DEWTERONOMJU 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 Dħul il-ktieb

1 Dan hu l-kliem li Mosè qal lil ulied Iżrael kollu n-naħa l-oħra tal-Ġordan, fid-deżert tal-Għaraba, li jiġi biswit Suf, bejn Faran minn naħa u bejn Tofel, Laban, Ħaserot u Diżaħab mill-oħra;

2 ħdax-il jum mixi ’l bogħod minn Ħoreb sa Kades-barnigħa mit-triq tal-muntanja Xegħir.

3 Fis-sena erbgħin, fl-ewwel tal-ħdax-il xahar, Mosè kellem lil Iżrael kollu skont kulma ordnalu l-Mulej għalihom,

4 wara li kien għeleb lil Siħon, is-sultan tal-Amurrin, li kien joqgħod f’Ħesbon, u lil Għog, sultan ta’ Basan, li kien joqgħod f’Għastarot u f’Edregħi.

5 In-naħa l-oħra tal-Ġordan, fl-art ta’ Mowab, Mosè beda jfisser din il-liġi u jgħid:


L-ewwel diskors: ħarsa lejn il-ġrajja ta’ qabel

6 “Il-Mulej Alla tagħna kellimna f’Ħoreb u qalilna: ‘Qgħadtu biżżejjed f’din il-muntanja.

7 Duru u itilqu; idħlu fil-muntanji tal-Amurrin u fl-inħawi tagħhom kollha, fl-Għaraba, fl-għoljiet, fil-witat u fin-Negeb, f’xatt il-baħar, fl-art tal-Kangħanin, u fil-Libanu, sax-xmara l-kbira tal-Ewfrat.

8 ‘Jien tlaqt l-art f’idejkom; idħlu u ħudu l-art li l-Mulej ħalef lil missirijietkom, lil Abraham, lil Iżakk, lil Ġakobb, li jagħtiha lilhom u lil nisilhom warajhom.’

9 Dak iż-żmien għedtilkom: ‘Ma niflaħx irreġikom waħdi.

10 Il-Mulej, Alla tagħkom, kattarkom bil-bosta; u intom illum kotrana bħall-kwiekeb tas-sema.

11 Jalla l-Mulej, Alla ta’ missirijietkom, ikattarkom għal elf darba, u jberikkom kif qalilkom.

12 Kif nista’ jien waħdi nitgħabba bil-piż tagħkom, u t-tilwim tagħkom?

13 Ġibuli mit-tribujiet tagħkom irġiel għorrief, dehnin u magħrufin, u jien nagħtihom is-setgħa fuqkom.’

14 “U intom weġibtuni u għedtuli: ‘Sewwa li qiegħed tgħidilna, nagħmluh.’

15 “Għalhekk ħadt il-prinċpijiet tat-tribujiet tagħkom, irġiel għorrief u magħrufin, u qegħedthom kapijiet fuqkom, kapijiet tal-eluf u kapijiet tal-mijiet, kapijiet tal-ħamsinijiet, u kapijiet tal-għaxriet u uffiċjali oħra għat-tribujiet tagħkom.

16 “U dak iż-żmien wissejt lill-imħallfin u għedtilhom: ‘Isimgħu lil ħutkom, u agħmlu l-ħaqq bis-sewwa bejn bniedem u ħuh, u bejnu u l-barrani.

17 Tħarsux lejn l-uċuħ meta tagħmlu l-ħaqq, isimgħu ż-żgħir u l-kbir l-istess. Tibżgħu minn ħadd, għax il-ħaqq f’idejn Alla. Meta jkollkom xi kwistjoni tqila, ġibuha quddiemi u nismagħha jien.’

18 “Dak iż-żmien jien tajtkom l-ordnijiet u għedtilkom kulma għandkom tagħmlu.


F’Kades-barnigħa

19 “Imbagħad tlaqna minn Ħoreb u qsamna dak id-deżert kollu, deżert kbir iwaħħxek, li intom rajtu. Għaddejna mit-triq li tieħu għall-muntanji tal-Amurrin, bħalma kien ordnalna l-Mulej, Alla tagħna, u wasalna Kades-barnigħa.

20 “U għedtilkom: ‘Wasaltu fl-għoljiet tal-Amurrin li l-Mulej, Alla tagħna, se jagħtina:

21 Ara, tak il-Mulej, Alla tiegħek, l-art f’idejk; itla’ u ħudha f’idejk skont ma wiegħdek il-Mulej, Alla ta’ missirijietek. Tibżax u taqtax qalbek.’

22 “U intom ersaqtu lkoll lejja u għedtuli: ‘Ħa nibagħtu qabilna nies biex jitkixxfulna l-art, u jgħarrfuna t-triq, li għandna nitilgħu minnha, u l-ibliet li se mmorru fihom.’

23 Dan il-kliem għoġobni, u għażilt minn fostkom tnax-il raġel, wieħed minn kull tribù.

24 U marru u telgħu l-għoljiet u waslu sa wied Eskol, u tkixxfu l-art.

25 U ħadu f’idejhom mill-frott tal-art u ġabuhulna, u tawna l-aħbar u qalulna: ‘Tajba l-art li se jagħtina l-Mulej, Alla tagħna.’

26 Imma intom ma ridtux titilgħu, u ħadtuha kontra l-kelma tal-Mulej, Alla tagħkom.

27 U bdejtu tgergru fit-tined tagħkom u tgħidu: ‘Għax jobgħodna l-Mulej ħariġna mill-Eġittu biex jerħina f’idejn l-Amurrin, u jeqridna.

28 Fejn se nitilgħu aħna? Ħutna qatgħulna qalbna u qalulna: Hemm poplu kbir u nies itwal minna; bliet kbar u mdawra bi swar għoljin sas-smewwiet; u saħansitra rajna hemmhekk ulied Għanak.’

29 “Jien għedtilkom: ‘Titwerwrux, u titbeżżgħux minnhom.

30 Il-Mulej, Alla tagħkom, jimxi quddiemkom, u hu stess jitqabad għalikom bħalma għamel magħkom fl-Eġittu quddiem għajnejkom.

31 U bħalma għamel fid-deżert, fejn rajtu kif il-Mulej, Alla tagħkom, refagħkom bħalma bniedem jerfa’ lil ibnu, fit-triq kollha li mxejtu sakemm wasaltu hawn.’

32 “Imma intom, madankollu, ma ridtux tafdaw fil-Mulej, Alla tagħkom,

33 li kien jimxi quddiemkom fit-triq, ifittxilkom post fejn tistrieħu. Billejl kien jidher fin-nar biex jurikom it-triq li kellkom tgħaddu minnha, u binhar fis-sħaba.

34 “Il-Mulej sama’ kliemkom, u xegħel bil-korla, u ħalef u qal:

35 ‘Ħadd minn dawn in-nies ta’ dan in-nisel ħażin ma jara l-art tajba li jien ħlift li nagħti lil missirijietkom,

36 ħlief Kaleb bin Ġefunni. Dan biss jaraha, u lilu nagħti l-art li rifes, u lil uliedu, għax żamm sħiħ mal-Mulej.’

37 “Minħabba fikom il-Mulej ħadha kontra tiegħi wkoll u qal: ‘Lanqas int ma tidħol hemm.

38 Jidħol Ġożwè bin Nun, li qiegħed iservik. Qawwilu qalbu, għax hu għad iqassam l-art lil Iżrael.

39 U t-tfal iż-żgħar tagħkom li intom għedtu se jaqgħu priża, uliedkom, li llum la jafu t-tajjeb u lanqas il-ħażin, jidħlu huma, u lilhom nagħtiha, u huma jirtuha.

40 Intom ikollkom idduru u tiġbdu lejn id-deżert mat-triq tal-Baħar tal-Qasab.’

41 “U intom weġibtu u għedtuli: ‘Dnibna kontra l-Mulej. Nitilgħu u nitqabdu skont ma ordnalna l-Mulej, Alla tagħna.’ U mbagħad ilkoll tħażżimtu bl-armi tal-gwerra u ħsibtuha ħaġa ħafifa li titilgħu l-muntanja.

42 “Imma l-Mulej qalli: ‘Għidilhom: Titilgħu xejn u titqabdux, għaliex jien m’iniex f’nofskom, li ma jegħlbukomx l-għedewwa tagħkom.’

43 U jien kellimtkom, u ma smajtux, u ħadtuha kontra l-kelma tal-Mulej, u għamiltuha ta’ prużuntużi, u tlajtu l-muntanja.

44 U ħarġu l-Amurrin li kienu jgħammru fuq il-muntanja, u ġrew warajkom bħan-naħal, u għamlukom bċejjeċ minn Xegħir sa Ħorma.

45 “Erġajtu lura u bkejtu quddiem il-Mulej, u l-Mulej ma semax leħinkom u ma takomx widen.

46 U hekk intom bqajtu f’Kades-barnigħa għal ħafna żmien, iż-żmien kollu li bqajtu hemm.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Volg ons:



Advertensies